Deċiżjoni fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir wara li ma aderixxiex ma’ deċiżjoni tal-Awtorità rigward ilment tal-Partit Nazzjonalista
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd wara li l-PBS ma qarax sunt tad-deċiżjoni tal-Awtorità li ħarġet fl-14 ta’ Mejju 2021, liema sunt kien inkluż fid-deċiżjoni u li saret ukoll bħala forma ta’ rimedju għal ilment li kien tressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward l-inawgurazzjoni tal-flyover tal-Marsa. Din id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir kienet ġiet ippubblikata fl-14 ta’ Mejju 2021.
Minħabba f’hekk l-istazzjon kiser Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir wara li dan naqas li jimxi mad-direttivi tal-Awtorità sabiex dan is-sunt mid-deċiżjoni jinqara waqt il-bulettin tal-aħbarijiet tal-PBS.
F’seduta li saret fl-24 ta’ Ġunju 2021, l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità u lil Dr Mark Vassallo, in rappreżentanza tal-PBS Ltd u lill-Kap tal-Aħbarijiet is-Sinjura Norma Saliba u lil Dr Ishmael Psaila li deher ukoll għall-PBS Ltd.
Min-naħa tiegħu Dr Mark Vassallo fakkar li l-istazzjon diġà ppreżenta ittra uffiċjali quddiem il-Qorti dwar dan il-każ minħabba li l-istazzjon iħoss li għandu jkun hemm proċess ta’ appell għal dik id-deċiżjoni li kienet ħadet l-Awtorità. Qal ukoll li l-PBS iħoss li l-Awtorità qed timxi b’mod anti-kostituzzjonali u għalhekk l-PBS se jkun qed jieħu lill-Awtorità tax-Xandir il-Qorti.
Dr Vassallo qal ukoll li d-deċiżjoni li ħarġet l-Awtorità ma kellhiex terminu ta’ żmien.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet u rat ukoll id-deċiżjoni li kienet ħadet li kienet titratta l-ilment tal-Partit Nazzjonalista dwar ix-xandir tal-inawgurazzjoni tal-flyover tal-Marsa. L-Awtorità rat li l-istazzjon injora din id-deċiżjoni li kienet ħarġet fl-14 ta’ Mejju u ma kienx inkluda s-sunt fil-bulettin tal-aħbarijiet. L-Awtorità rat li d-deċiżjoni li tinqara d-dritt ta’ risposta ma kinitx ixxandret fil-bulettini tal-aħbarijiet minkejja t-trapass ta’ żmien mill-14 ta’ Mejju. L-Awtorità dehrilha li din kellha tixxandar mingħajr ebda dewmien sakemm tali dewmien ma kienx neċessarju minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ. Ta’ min jinnota li lill-Awtorità ma indikawlha l-ebda ċirkostanza li seta’ jiġġustifika dan id-dewmien.
L-Awtorità għalhekk ddeċidiet dan il-każ billi ssib lill-istazzjon ħati ta’ ksur tad-Direttiva tagħha billi naqas li jaqra sunt tad-deċiżjoni tal-Awtorità li nħarġet fl-14 ta’ Mejju 2021 u qed tinfliġġi penali ta’ €4,660 fuq il-PBS. Il-penali imposta trid titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.
8 ta’ Lulju 2021