Deċiżjoni dwar ilment imressaq minn Dr Jason Azzopardi rigward item li xxandret fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM fis-16 ta’ Mejju 2021.
L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq minn Dr Jason Azzopardi rigward rapport tal-aħbarijiet li xxandar fil-bulettin tas-16 ta’ Mejju dwar dikjarazzjoni li għamel l-Onor. Carmelo Abela fil-konfront ta’ Dr Azzopardi. Dr Azzopardi talab lill-istazzjon għal dritt ta’ risposta li iżda ma ġiex mogħti mill-istazzjon. Kien għalhekk li Dr Azzopardi talab għal rimedju quddiem l-Awtorità.
Fis-seduta li inżammet fit-2 ta’ Ġunju, attendew virtwalment Dr Jason Azzopardi u għall-PBS attendew is-Sinjura Norma Saliba u r-rappreżentant legali tal-PBS, Dr Ishmael Psaila.
Dr Azzopardi kkontenda li fil-bulettin tas-16 ta’ Mejju l-PBS irraporta dikjarazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela li kiteb fuq facebook fejn għamel allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Dr Azzopardi. Dr Azzopardi rrimarka li l-PBS ma talabx għall-kummenti tiegħu u li għalhekk talab biex jinġieb id-dritt ta’ risposta li iżda l-PBS permezz tas-Sinjura Saliba irrifjutat li tirraporta minħabba li skont il-PBS kien defamatorju.
Fis-seduta Dr Azzopardi spjega li għaldaqstant emenda d-dritt ta’ risposta peress li kien hemm kliem li seta’ kien iebes iżżejjed. Iżda l-PBS xorta waħda ma rrapurtatx dan id-dritt ta’ risposta mingħajr ma ngħata l-ebda spjegazzjoni mill-PBS għal dan.
Għan-nom tal-PBS, Dr Ishmael Psaila spjega li l-kumment tal-Ministru Carmelo Abela li ġie rrapurtat mill-PBS sar primarjament bħala reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fir-rigward tal-Ministru Abela. Qal li l-PBS kellu jġib ir-reazzjoni tal-Ministru għal dak li ssemma fil-konfront tiegħu. Dr Psaila rrimarka wkoll li fis-17 ta’ Mejju il-PBS irraporta konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista fuq din l-istess materja, liema konferenza ġiet irrapurtata fedelment.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva, rat li l-ilment għandu jintlaqa’. L-Awtorità nnotat li minħabba dikjarazzjoni li saret fil-konfront ta’ Dr Azzopardi, liema dikjarazzjoni ġiet irrapurtata, il-PBS kellu jara li tinġieb dikjarazzjoni oħra min-naħa ta’ Dr Azzopardi. Filwaqt li l-Awtorità tifhem li l-PBS ma kellux jirraporta dritt ta’ risposta li seta’ kien defamatorju iżda nnotat li wara li l-lanjant ipproduċa dritt ta’ risposta ieħor biex jixxandar, il-PBS ma ta l-ebda raġuni għaliex it-tieni tentattiv ma ġiex irrapurtat.
L-Awtorità jidhrilha li Dr Azzopardi għandu jingħata d-dritt ta’ risposta peró dan id-dritt ma jistax imur oltré. Id-dritt ta’ risposta għandu jkun limitat għall-allegazzjoni li saret dwar Dr Azzopardi. Paragrafu 3 u 4 tal-pretiz eserċizzju tad-dritt ta’ risposta evidentament imorru oltré dan u jistgħu jesponu lil min ixandar dak id-dritt ta’ risposta għall-proċeduri ta’ libell. Għalhekk l-Awtorità ser tordna lill-PBS biex tagħti d-dritt li xxandar ir-risposta fis-sens mogħti hawn taħt (Allegat A). Naturalment il-PBS m’għandhiex ixxandar ir-risposta ta’ Dr Azzopardi qabel ma hu jindika lilhom li dan id-dritt ta’ risposta jissodisfah.
10 ta’ Gunju 2021