TVM - Aħbarijiet - 17 ta' Lulju 2022




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd dwar nuqqas ta’ rapurtaġġ tas-sondaġġ ippubblikat mill-gazzetta Illum fl-aħbarijiet tas-17 ta’ Lulju 2022

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 18 ta’ Lulju 2022 kontra PBS Ltd. Dan l-ilment tratta l-aħbarijiet tas-17 ta’ Lulju 2022 minħabba n-nuqqas ta’ rapurtaġġ ta’ sondaġġ li ġie ppubblikat fil-gazzetta Illum, liema sondaġġ kien jirreferi għal Avviż Legali dwar il-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu fil-Belt Valletta.

Is-smigħ ta’ dan l-ilment sar fuq żewġ seduti li saru fit-3 ta’ Awwissu u t-8 ta’ Awwissu 2022 minħabba li ntalbu xi dokumenti min-naħa tal-Partit Nazzjonalista lill-PBS u li kellhom jiġu esebiti f’seduta ta’ wara. Barra minn hekk fl-ewwel seduta ġew ippreżentati xi rapurtaġġi ta’ stħarriġ mill-Partit Nazzjonalista, liema rapporti riedu jiġu vverifikati min-naħa tal-PBS. Għaż-żewġ seduti ta’ smigħ dehru Dr Michael Piccinino għall-Partit Nazzjonalista u għall-PBS dehru l-Konsulent Legali Dr Mark Vassallo u l-Editor-in-Chief l-Inġ Charles Dalli.

L-Awtorità semgħet lil Dr Michael Piccinino li qal li, filwaqt li matul is-snin il-PBS irraporta numru ta’ sondaġġi u kien hemm waqtiet fejn anke saret analiżi dwarhom, dan is-sondaġġ li kien jitratta Avviż Legali dwar il-mużika sas-siegħat bikrin ta’ filgħodu fil-Belt Valletta ma ġiex irrapurtat. Dr Michael Piccinino qal li s-sondaġġ kien jitratta suġġett kontroversjali u topiku u saħansitra kien hemm mozzjoni fil-Parlament li ressqet l-Oppożizzjoni biex dan l-Avviż Legali jiġi rtirat mill-Gvern. Għalhekk Dr Piccinino qal li l-Partit Nazzjonalista ħass li dan is-sondaġġ kien ta’ mportanza nazzjonali u kien jimmerita li jiġi rrapurtat fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-PBS.

Għall-PBS, l-Editor-in-Chief, l-Inġ Charles Dalli qal li filwaqt li ġieli ġew irrapurtati sondaġġi iżda l-prassi hija li l-PBS ma jirrapurtax sondaġġi li jkunu saru minn djar ta’ pubblikazzjoni, media houses oħra jew online portals. Il-PBS ippreżenta numru ta’ sondaġġi u spjega r-raġuni kif xi sondaġġi ġew irrapurtati u numru ikbar ta’ sondaġġi li saru minn media houses jew online portals ma ġewx irrapurtati mill-PBS. Għan-nom tal-PBS, Dr Mark Vassallo saħaq dwar l-importanza tad-diskrezzjoni editorjali tal-istazzjon u kkummenta li b’mod ġenerali l-PBS ma jirrapurtax sondaġġi kif juri d-dokument li ġie ppreżentat waqt is-smigħ. Qal li d-diskrezzjoni editorjali għandha tibqa’ f’idejn l-istazzjon u l-Editur għandu jara liema prassi għandu jimxi biha fir-rigward ta’ rapurtaġġ ta’ sondaġġi.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet u filwaqt li tifhem li din it-tema kienet ta’ policy pubblika kurrenti, l-istazzjon għandu jkollu d-diskrezzjoni editorjali ta’ liema sondaġġi jiġu ppubblikati u jżomm mal-istess prassi li jkun ħoloq l-istazzjon stess.  Fid-dawl ta’ dan l-Awtorità ma tilqax dan l-ilment. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, l-Awtorità tax-Xandir qed titlob li jinqara sunt mid-deċiżjoni hekk kif ġej fil-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM u TVMNews+ u dan fi żmien tmienja u erbgħin (48) siegħa minn mindu tiġi ppubblikata din id-deċiżjoni :-

Fi smigħ li kien mifrux f’żewġ seduti u li saru fit-3 u fit-8 ta’ Awwissu, l-Awtorita tax-Xandir ma laqgħetx l-ilment tal-Partit Nazzjonalista dwar sondaġġ li ġie ppublikat fil-gazzetta Illum u li kien jitratta l-Avviż Legali dwar il-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu fil-Belt Valletta, li iżda ma ġiex irrapurtat fil-bulettin fuq TVM u TVMNews+.  L-Awtorita ddeċidiet li f’dan il-każ l-istazzjon kellu d-diskrezzjoni editorjali jekk jirraportax dan it-tip ta’ sondaġġ.

23 ta’ Awwissu 2022