Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward il-punti ewlenin tal-aħbarijiet ta’ TVM tat-18 ta’ April għall-mod kif ġiet irrappurtata li Membri Parlamentari Nazzjonalisti telqu mil-laqgħa waqt id-diskussjoni dwar l-Airmalta
L-Awtorità kellha lment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward il-mod kif fil-punt ewlenin tal-aħbarijiet ta’ TVM tat-18 ta’ April ġiet irrappurtata d-deċiżjoni li Membri Parlamentari Nazzjonalisti telqu mil-laqgħa waqt id-diskussjoni dwar l-Airmalta.
F’seduta li nżammet fl-4 ta’ Mejju 2023 dehru għall-Partit Nazzjonalista s-Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech u għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.
Għall-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino rrefera għal dak li seħħ fit-18 ta’ April fejn kien hemm talba mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex tiġi sospiża l-Kamra biex tiddiskuti b’mod urġenti l-materja tal-Airmalta iżda minħabba li ma ntlaqgħetx mill-Ispeaker, l-Oppożizzjoni telqu ‘l barra. Dr Michael Piccinino qal li l-PBS għażlet li tkun magna ta’ propaganda tal-Partit Laburista minħabba li fil-punti ewlenin ma ngħatatx ir-raġuni għala l-Oppożizzjoni telqet ‘il barra u tat ukoll il-verżjoni tal-Partit Laburista. Qal li b’dan il-mod tat impressjoni żbaljata lit-telespetatturi u jġagħalek taħseb li l-Oppożizzjoni telqet ‘il barra minħabba d-diskussjoni dwar il-vjolenza domestika.
Għall-PBS, Dr Mark Vassallo spjega li minkejja li l-lead item trid tkun selettiva, is-servizz kien eżawrenti u s-servizz tal-aħbarijiet irrapporta kollox b’mod ċar.
L-Awtorità rat is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumenti relatati mal-ilment. L-Awtorità tifhem li hemm limitazzjoni ta’ x’wieħed jista’ jinkludi fil-punti ewlenin. Tagħraf ukoll li l-għażla tal-punti ewlenin għandha tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-editur. Għaldaqstant l-Awtorità ma tilqax dan l-ilment u tħoss li tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon dwar il-bżonn ta’ kif il-punti ewlenin jiġu ppreżentati b’mod biex ma jiġux miżinterpretati.
16 ta’ Mejju 2023