Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tad-19 ta’ April 2023 dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ dak li ġara u intqal fil-Parlament fid-19 ta’ April
L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tad-19 ta’ April 2023 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ dak li seħħ fis-seduta tal-Parlament tad-19 ta’ April partikolarment dak li qal il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u minflok ġiet irrappurtata biss stqarrija tal-Partit Laburista.
Għas-seduta li nżammet fl-4 ta’ Mejju 2023 kienu preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech. Filwaqt li għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu Dr Michael Piccinino qal li wara li l-Oppożizzjoni telqet ‘il barra mis-seduta Parlamentari fit-18 ta’ April, l-għada l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar spjega r-raġuni u l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar id-deċiżjoni li kienet ittieħdet fil-ġurnata ta’ qabel. Dr Piccinino qal li l-PBS għażel li jirrapporta stqarrija tal-Partit Laburista li kkummentat fuq dak li għamlet l-Oppożizzjoni iżda ma rrappurtat xejn mid-diskors tal-Membru Parlamentari Robert Cutajar. Għaldaqstant qal li filwaqt li l-PBS sab valur ta’ aħbar fit-tieni stqarrija tal-partit Laburista li ħarġet bħala reazzjoni għal dak li għamlet l-Oppożizzjoni iżda tidher li ma sabitx valur ta’ aħbar għal dak li qal l-Onorevoli Robert Cutajar.
Għall-PBS Dr Mark Vassallo qal li l-PBS kien irrikonoxxa li għamel żball u fil-fatt kif wasal l-ilment tal-Partit Nazzjonalista, il-PBS mill-ewwel rrapporta dak li qal l-Onorevoli Robert Cutajar. Dr Mark Vassallo ammetta wkoll li kien nuqqas min-naħa tal-PBS peress li din il-kjarifika kellha tinħareġ immedjatament u kellha tingħata kuntest.
L-Awtorità rat is-sottomissjonijiet u ħadet nota tal-kjarifika li ġiet ippreżentata mill-istazzjon. L-Awtorità rat li l-istazzjon ammetta l-fatti mertu tal-ilment, u ta spjegazzjoni li kien żball min-naħa tal-istazzjon u għalhekk l-ilment ġie milqugħ. Fiċ-ċirkostanzi, u in vista tal-kjarifika li ġiet imxandra, l-Awtorità ma tħossx li hemm bżonn ta’ rimedju.
16 ta’ Mejju 2023