TVM - Aħbarijiet - 19 ta' Awwissu 2024




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet tad-19 ta’ Awwissu fuq TVM rigward rappurtaġġ dwar l-inkjesta indipendenti ta’ Nicolette Ghirxi

 

L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista  rigward ir-rappurtaġġ dwar l-inkjesta indipendenti dwar is-Sinjura Nicolette Ghirxi.

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir skeda s-smigħ għal nhar it-12 ta’ Settembru 2024 iżda dan ġie differit għas-17 ta’ Settembru 2024 minħabba n-nuqqas ta’ disponibiltà tar-rappreżentant legali ta’ PBS.

 

Għas-smigħ tas-17 ta’ Settembru 2024 deher Dr Michael Piccinino, Segretarju tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-Editor-In Chief tal-PBS l-Inġ. Charles Dalli, il-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Owen Galea u r-rappreżentant legali tal-PBS Dr Mark Vassallo.

 

Dr Michael Piccinino rrefera għall-mewta traġika tas-Sinjura Nicolette Ghirxi u kkwota dak li rrapporta PBS nhar id-19 t’Awwissu 2024, skont dak li qal l-uffiċju tal-Prim Ministru. Kompla billi qara dak rappurtat fl-20 t’Awwissu 2024, b’reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn il-PBS għamel repetizzjoni ta’ dak li ntqal fil-kamra tal-aħbarijiet. Kompla billi kkwota minn Artiklu 2.1.1 tal-L.S.350.14 u ta diversi eżempji fejn fil-passat il-PBS argumenta li mhux noticeboard. Ikkonkluda billi qal li r-rappurtaġġ ta’ PBS jikser il-liġi u l-istess regoli.

 

Dr Mark Vassallo qal li hu jsostni dak li tgħid il-liġi sussidjarja u saħaq li dan jiġi rispettat mill-PBS. Qal ukoll li hemm leeway fil-kontenut tal-aħbarijiet li se jiġi ripetut skont il-valur tal-aħbar. Dan l-għaliex filwaqt li jum qabel PBS tratta t-tema eżatt, kien hemm żvilupp imbagħad fejn il-Gvern kien ħabbar mhux biss l-inkjesta iżda wkoll it-terms of reference li ma kien jafhom ħadd. Qal li mportanti li s-servizz riferit irid jaġġorna b’dak li ma kienx magħruf qabel. Qal li d-differenza hija l-aċċenn fuq it-terms of reference tal-investigazzjoni Valenzia.

 

Dr Michael Piccinino rribatta li r-rappurtaġġ ta’ PBS, kif magħmul, kien reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u mhux sempliċiment aġġornament tal-fatti. Għal dan Dr Mark Vassallo rrisponda li meta tirrepeti aħbar ma tistax tkun iżolata iżda jrid ikun hemm kuntest.

 

Meta l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord iddiskuta dan l-ilment. Il-Bord innota li kien minnu li l-istqarrija tal-Ministeru għamlet referenza għar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta maġisterjali ta’ Frar tas-sena 2023. Peress li din l-aħbar kienet magħrufa wara l-ewwel rappurtaġġ, il-Bord iddeċieda li jiċħad dan l-ilment minħabba li ħass li l-istazzjon mexa b’mod ġust u ma kienx hemm ripetizzjoni tal-aħbar.

 

27 ta’ Settembru 2024

Smigħ 12_24

Ref.:38/24