TVM - Aħbarijiet - 19 ta' Frar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) u assistit mill-akkuża, dwar sound on tape fir-rappurtaġġ tad-dibattitu tal-parlament, matul l-aħbarijiet ta’ nhar id-19 ta’ Frar 2024 

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS u assistit mill-akkuża dwar sound on tape fir-rappurtaġġ tad-dibattitu tal-parlament, matul l-aħbarijiet ta’ nhar id-19 ta’ Frar 2024.

 

Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.

Dr Mark Vassallo rreġistra ammissjoni għall-ilment assistit mill-akkuża u spjega li kien sar żball li l-istazzjon kien irrettifika.

L-ilment u l-akkuża kienu jitrattaw in-nuqqas ta’ voice clip tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech waqt id-dibattitu Parlamentari li kien jitratta t-twaqqif ta’ Awtorità ġdida dwar il-klima. Filwaqt li fl-aħbarijiet tal-14 ta’ Frar inġiebet voice clip tal-Prim Ministru dwar dibattitu Parlamentari li tratta l-istess tema, ma ġarax l-istess fil-bulettin tal-aħbarijiet tad-19 ta’ Frar fir-rigward tar-rappurtaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant kien hemm ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir imsaħħa bil-LS 350.14 Taqsima 4.

Għaldaqstant il-Bord qed jimmulta lix-xandar pubbliku s-somma ta’ €930 skont skema 5 ta’ Kap.350 filwaqt li jordna l-qari ta’ dan is-sunt:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir investiga ilment assistit b’akkuża fir-rigward tal-aħbarijiet tad-19 ta’ Frar 2024 li tratta d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-parlament dwar it-twaqqif tal-Awtorità tal-Klima, iżda ma tteħditx silta mid-diskors kif seħħ fil-bulettin tal-14 ta’ Frar 2024 meta ġie rrapurtat u ttieħdet silta mid-diskors tal-Prim Ministru. Għaldaqstant il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab il-PBS ħati dwar nuqqas ta’ imparzjalità bejn il-partiti politiċi. Għalhekk, apparti l-multa, l-istazzjon pubbliku ġie ordnat jaqra dan is-sunt".

 

 

 

5 ta’ Marzu 2024

Smigħ 02/2024 Numru 14

Ref: 18/24