TVM - Aħbarijiet - 2 ta' Ġunju 2021




Deċiżjoni dwar l-ilment mill-Partit Nazzjonalista tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ sejħa tal-Oppożizzjoni dwar it-tneħħija ta’ Ministru tal-Gvern fil-bulettin tat-2 ta’ Ġunju 2021

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 3 ta’ Ġunju 2021 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni fejn talab lill-Gvern ineħħi Ministru tal-Gvern mill-inkarigu tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienet ta’ importanza bħala aħbar u għalhekk il-fatt li ma saret l-ebda referenza għal din is-sejħa jikkostitwixxi ċensura politika kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan jikkostitwixxi ksur ta’ provvedimenti tal-Kostituzzjoni u tal-Liġi tax-Xandir minħabba li dawn jesiġu imparzjalità u oġġettività fl-aħbarijiet mogħtija.

Fis-seduta li saret fl-24 ta’ Ġunju 2021 deher b’mod virtwali għall-Partit Nazzjonalista Dr Francis Zammit Dimech, filwaqt li għall-PBS kienu preżenti s-Sinjura Norma Saliba, il-Kap tal-aħbarijiet tal-PBS u Dr Mark Vassallo u Dr Ishmael Psaila li dehru in rappreżentanza għall-PBS u li wkoll kienu preżenti fl-uffiċini tal-Awtorità għas-smigħ tas-seduta.

Dr Zammit Dimech spjega li l-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma xxandritx fil-bulettin tal-aħbarijiet u rrefera għat-tweġiba tal-PBS li uża l-argument li din l-aħbar kienet diġà ġiet irrappurtata f’bullettini oħra. Dr Zammit Dimech spjega li meta partit politiku jkun qed iwassal messaġġ politiku, ikun sta għal dak il-partit li jagħmel il-messaġġ kemm-il darba jrid u jista’ jagħmel enfasi u juża ton kif iħoss li huwa l-aħjar. Qal li din hija materja kurrenti u għaldaqstant Dr Zammit Dimech qal li huwa sta għall-Awtorità tax-Xandir tiddeċiedi l-każ u appella biex id-direttivi li tagħti l-Awtorità għandhom jiġu segwiti mill-istazzjon.

Għall-PBS, Dr Mark Vassallo qal li mill-inqas dan il-messaġġ ġie rrappurtat sitt darbiet u qal li ma jistax ikun li messaġġ ikun replikat u l-Partit Nazzjonalista jippretendi li dan jerġa’ jiġi rrappurtat. Qal li l-PBS jippretendi li l-Awtorità tifhem li hemm id-diskrezzjoni tal-editur u li din tkun mingħajr indħil politiku miż-żewġ naħat. Bħala evidenza Dr Mark Vassallo ppreżenta lill-Bord tal-Awtorità, u għadda kopja tar-rapporti tal-aħbarijiet biex juri l-okkażjonijiet kollha fejn dan l-istess messaġġ identiku xxandar fil-bulettini tal-aħbarijiet.

Is-Sinjura Saliba qalet li l-kamra tal-aħbarijiet tirċievi numru kbir ta’ stqarrijiet u li mhux kollha jiġu rrappurtati. Dr Vassallo qal li jekk kull stqarrija tiġi rrappurtata, l-aħbarijiet tal-PBS jiġi notice board.

 L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni kollha, l-Awtorità qablet li dan is-suġġett kien diġà ġie rrappurtat f’bulettini oħra matul l-istess perjodu. Għaldaqstant dan l-ilment ma kienx qed jintlaqa’. L-Awtorità qablet li l-PBS kellu dritt jeżerċita l-linja editorjali tiegħu in vista tal-fatt li din kienet materja li kienet ġiet irrappurtata matul l-istess perjodu ta’ żmien.  

 

                                                                                                                        8 ta’ Lulju 2021