TVM - Aħbarijiet - 20 ta' Jannar 2022




Deċiżjoni dwar ilment minn Prof Arnold Cassola rigward rapurtaġġ tar-rapport tal-Kummissarju tal-istandards rigward reklamar mill-Ministru Ian Borġ fl-aħbarijiet tal-20 ta’ Jannar 2022

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq minn Prof Arnold Cassola datat 20 ta’ Jannar 2022 rigward rapurtaġġ fuq l-aħbarijiet ta’ TVM tal-20 ta’ Jannar stess dwar ir-rapport tal-Kummissarju tal-istandards fil-konfront tal-Ministru Ian Borg u r-reklamar tiegħu.

 

F’seduta tad-9 ta’ Frar, l-Awtorità semgħet lil Prof Arnold Cassola u għall-PBS semgħet lil Dr Dustin Camilleri u l-Inġ Charles Dalli bħala l-editor-in chief, f’seduta li inżammet fid-9 ta’ Frar 2022. 

 

Prof Cassola qal li dan l-ilment huwa maqsum fi tnejn. Spjega li TVM ma rrapurtax l-istqarrija tiegħu wara li l-Kummissarju ħareġ d-deċiżjoni dwar l-iżball li sar mill-Ministru Ian Borġ rigward reklamar li deher u li fihom intużaw il-logos tal-Ministeru. Prof Cassola ilmenta li l-ġurnalisti tal-PBS baqgħu biss fuq l-istqarrija tal-Ministru Borg u ma rrapurtawx dak li ġie konkluż fir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards. Prof Cassola ilmenta wkoll li l-PBS ma kienx irraporta dak li kien kiteb dwar id-deċiżjoni tal-Kummissarju u li hu ma kienx jaqbel mad-deċiżjoni li kien ħa l-Kummissarju Hyzler meta aċċetta li l-Ministru Ian Borg kien ħa żball rigward ir-reklamar li dehru bil-logos tiegħu.

 

Għall-PBS, deher Dr Dustin Camilleri u l-editor in chief l-Inġ Charles Dalli li qal li d-deċiżjoni editorjali kienet li tiġi rrapurtata biss id-deċiżjoni tal-Kummissarju u mhijiex il-prassi li l-PBS isegwi kommunkazzjoni oħra li jkun wara d-deċiżjoni finali tal-Kummissarju tal-Istandards.

 

Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni tal-argumenti taż-żewġ partijiet, rat li dan l-ilment jinqasam fi tnejn.  L-ewwel parti għaliex ma ġietx irrapurtata r-reazzjoni ta’ Prof Cassola u t-tieni punt li r-rapurtaġġ ma kienx ħolitisku u fidil mar-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards. L-Awtorità tagħraf li d-diskrezzjoni editorjali f’dan il-każ kien tal-editur tal-PBS.

 

L-Awtorità qablet li l-istazzjon għandu d-diskrezzjoni editorjali li jagħżel il-punti ta’ valur ta’ aħbar u li dawn jiġu nklużi fl-aħbar li tixxandar. L-Awtorità tifhem li ma jkunx ġust li tislet partijiet mir-rapport tal-Kummissarju imma għandha tirraporta l-konklużjonijiet biss li joħorġu mir-rapport. L-Awtorità qablet li fid-dawl ta’ dan, dan l-ilment ma jiġix milqugħ.

 

 

16 ta’ Marzu 2022