TVM - Aħbarijiet - 23 ta' April 2023




Deċiżjoni rigward ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-23 ta’ April rigward stqarrija tal-Partit Laburista dwar l-enerġija

L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-PBS dwar l-aħbarijiet tat-23 ta’ April 2023 fejn ġiet irrappurtata l-attività tal-Ħadd tal-Prim Ministru Robert Abela u wara ġiet irrappurtata l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li wieġbet dwar is-suġġett tal-enerġija. Wara din l-istqarrija kien hemm rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-Partit Laburista bħala reazzjoni għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Fis-seduta tal-15 ta’ Mejju, preżenti kien hemm is-Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech għall-Partit Nazzjonalista u għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.

Għall-PN Dr Michael Piccinino beda bis-sottomissjonijiet u qal li l-PBS irrapporta lil Dr Robert Abela waqt attività tal-Ħadd u qal li l-Partit Nazzjonalista se jwaqqaf is-sussidju dwar l-enerġija. Dr Piccinino qal li minħabba din id-dikjarazzjoni l-Partit Nazzjonalista ħareġ kjarifika għal dak li qal Dr Robert Abela waqt din l-attività. Dr Michael Piccinino qal li sussegwentament il-Partit Laburista ħareġ stqarrija biex iwieġeb għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu. Qal li b’dan il-mod ir-rappurtaġġ tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ġiet ippreżentata bejn ir-rappurtaġġ ta’ Dr Abela u l-istqarrija tal-Partit Laburista biex tingħata inqas importanza.

Dr Michael Piccinino qal ukoll li l-istqarrija tal-Partit Laburista kienet ripetizzjoni ta’ dak li qal Dr Robert Abela u għalhekk il-PBS kien qed jirrepeti dan il-punt kuntrarjament għall-argument li s-soltu jagħmel il-PBS li jgħid li ma jirrapportax stqarrijiet li jkunu ripetuti għaliex imorru kontra l-ispirtu ta’ kontenut u ta’ valur ta’ aħbar.

Għall-PBS l-Inġ Charles Dalli qal li l-PBS irrapporta d-diskors ta’ Dr Robert Abela u qal li għal dan id-diskors ħarġu żewġ reazzjonijiet – waħda tal-Partit Nazzjonalista u l-oħra tal-Partit Laburista. Qal li l-istqarrija tal-Partit Laburista kienet reazzjoni għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista u li ma kinitx kwistjoni li kienet ripetuta u għaldaqstant il-PBS ħass li kellu jirrapportaha fl-istess servizz u fl-istess bulettin. 

L- Awtorità rat is-sottomissjonijiet tal-partijiet u d-dokumentazzjoni relatata. L-Awtorità rat li l-PBS irrappurta d-diskors ta’ Dr Robert Abela waqt attività politika tal-Ħadd. Wara dan ir-rapport il-PBS irrapporta żewġ stqarrijiet, waħda tal-Partit Nazzjonalista u stqarrija oħra tal-Partit Laburista li wieġbet għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista. L- Awtorità tifhem li hija fid-diskrezzjoni editorjali tal-istazzjon biex jislet il-punti li fihom valur tal-aħbar waqt diskorsi politiċi u tifhem ukoll li hija fid-diskrezzjoni tal-editur biex jirrapporta r-reazzjonijiet għall-aħbar li jkun xandar l-istazzjon innifsu.  Għaldaqstant fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità ma tilqax l-ilment tal-Partit Nazzjonalista.

 

25 ta’ Mejju 2023