TVM - Aħbarijiet - 23 ta' Awwissu 2023




Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-bulettin tal-aħbarijiet tat-23 t’Awwissu 2023

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża mressqa mill-Awtorità tax-Xandir ai termini tal-L.S. 350.07 kontra PBS Ltd.

 

Din l-akkuża nħarġet in konnessjoni ma’ servizz imxandar matul il-bulettin tat-23 t’Awwissu 2023 li ta ħarsa lejn akkademja li toffri servizzi ta’ difiża personali fil-kuntest tal-aggressjoni li sofra s-Sur Joe Debono, magħruf bħala s-Sifu.

 

Matul dan is-servizz sar enfasi fuq l-importanza tad-difiża personali u ngħatat ħarsa lejn is-servizzi offruti mill-akkademja li ġġib l-isem ‘AWTA (Malta)’. Is-servizz kien jitratta wkoll dettalji dwar x’wieħed għandu bżonn biex japplika, min jista’ japplika u dettalji oħra bħall-perjodu minimu ta’ taħriġ u x’jinvolvi t-taħriġ. Matul dan is-servizzi xxandru wkoll filmati ta’ studenti fl-akkademja li lkoll kienu lebsin T-shirt bil-logo AWTA.

 

Għalhekk inħass li dan ir-rapport u l-intervista saru biex iservu ta’ reklam għal din l-akkademja mill-mod kif ġie preżentat, u dan bi ksur ta’ Art. 16K(1)(a) tal-Att dwar ix-Xandir, Kap.350.

 

L-istazzjon għażel li jikkontesta din l-akkuża u permezz tal-Avukat Mark Vassallo, talab il-monitoring report matul is-smigħ tal-5 t’Ottubru 2023.

 

Il-Bord ma ppermettiex il-preżentata tar-rapport u nforma lill-istazzjon b’data ta’ seduta oħra li għaliha l-istazzjon ma attendiex. Għalhekk is-smigħ ġie appuntat u eventwalment tkompla fl-4 ta’ Diċembru 2023. Għal dan is-smigħ dehru Dr Shaun Zammit bħala l-konsulent legali kif ukoll l-Inġ. Charles Dalli bħala l-editor-in chief  tal-istazzjon PBS Ltd. Is-smigħ tkompla billi ntwera s-servizz seduta stante.

 

Il-Kap Eżekuttiv qalet li l-logo ta’ din l-akkademja tad-difiża personali deher għal diversi drabi waqt is-servizz tal-aħbarijiet u li kien qed jissemma’ fost l-oħrajn min jista’ japplika, wieħed x’għandu bżonn biex japplika u ngħataw saħansitra d-dettalji f’dan ir-rigward li dan jirrendi ruħu bħala reklam u jmur kontra termini ta’ Art.16(K)(1)(a) tal-Att dwar ix-Xandir. Hija qalet li l-feature kien jitratta u għalhekk ukoll jitkellem dwar l-akkademja u allura l-logos li dehru ma kinux inċidentali u stqarret li l-istazzjon konxju ta’ dan għaliex diġà kellu akkuża deċiża mill-Bord fl-istess kompożizzjoni, b’referenza għall-akkuża deċiża nhar id-29 t’Ottubru 2022.

 

Dr Shaun Zammit qal li l-akkademja ma ssemmietx u ssemma biss x’taħriġ jista’ jingħata, li bniedem ma jaqbadx japplika iżda għandu jkun hemm background check, u tkellem ukoll fuq diligenza. Għalhekk skont hu ma kienx hemm reklamar bħal fejn qiegħed armat u affarijiet relatati.

 

Wara li l-partijiet irtiraw mis-smigħ, il-Bord iddiskuta din l-akkuża.

 

L-Awtorità rat li fil-filmat il-logo ta’ din l-akkademja deher b’mod ċar matul is-servizz tal-aħbarijiet kollu. Rat ukoll li r-rappurtaġġ tal-aħbarijiet kien primarjament jiffoka fuq l-akkademja tad-difiża personali – AWTA u mhux fuq dak li għadda minnu s-Sur Joe Debono. Il-fatt li s-Sur Joe Debono kien qed kontinwament jiġi identifikat bħala s-Sur Joe Debono s-Sifu ukoll irrenda s-servizz bħala reklam. Għaldaqstant l-Awtorità sabet ħtija fil-PBS u filwaqt li ċanfret lill-istazzjon talbet sabiex  jagħti iżjed attenzjoni mhux biss dwar dak moqri iżda wkoll dwar il-viżwal tas-servizzi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn is-servizz jolqot dawk il-kriterji li potenzjalment jikklassifikawh bħala reklamar.

 

 

 

 

12 ta’ Dicembru 2023

Smigħ 15/2023 Numru 5

Ref: 65/01