TVM - Aħbarijiet - 23 u 24 ta' Marzu 2023




Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ PBS rigward l-aħbarijiet tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2023

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-PBS rigward l-aħbarijiet tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2023 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 13 (2) (ċ) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli, u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li attendew is-seduta li nżammet fil-15 ta’ Mejju 2023.

Il-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri rreferiet għall-bulettin tat-23 ta’ Marzu fejn matulu xxandar rapport li rrapporta l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech li attenda s-summit tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussel. Qalet li dan ir-rapport tratta l-punti li ġew diskussi fis-summit iżda ma ġewx inklużi l-kummenti forma ta’ sound on tape ta’ Dr Bernard Grech.

L-akkuża rreferiet ukoll għall-bulettin tal-aħbarijiet tal-24 ta’ Marzu fejn ġie rrappurtat is-Summit tal-Mexxejja Ewropej u li għalih attenda l-Prim Ministru Dr Robert Abela u fl-istess rapport ittieħdet intervista forma ta’ sound on tape ta’ Dr Robert Abela.

Qalet li dan kollu wassal għal ksur ta’ Artiklu 13 2 (ċ) tal-Att dwar ix-Xandir li jgħid “li jingħata ħin biżżejjed lill-aħbarijiet u avvenimenti kurrenti u li l-aħbarijiet kollha fil-programm (liema għamla tkun) jiġu ppreżentati bl-imparzjalità dovuta”.

Għall-PBS Dr Mark Vassallo qal li wieħed ma jistax iqabbel rappurtaġġ tal-Prim Ministru f’summit tal-Mexxejja Ewropej ma' rappurtaġġ ta’ summit tal-Partit Popolari Ewropew. Qal li waħda kienet laqgħa ta’ livell politiku u l-oħra kienet laqgħa ta’ livell statali. Dr Mark Vassallo spjega li fl-istruttura tal-Kunsill hija l-ogħla istituzzjoni fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li fis-summit ikun hemm diskussjoni qabel ma jkunu qed jiġu diskussi t-temi fis-summit tal-Mexxejja.  Dr Vassallo qal li l-Awtorità kellha tiddeċiedi fuq il-mertu tal-laqgħa jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni kellux jiġi intervistat u mhux għax il-Prim Ministru kien intervista fl-isfond tas-summit tal-Mexxejja Ewropej.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkonstatat dan li ġej. Il-PBS irrapporta lill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech li attenda s-summit tal-Partit Popolari Ewropew li kien qed isir fi Brussel iżda ma ħax kumment ta’ Dr Grech. Il-PBS irrapporta s-summit tal-Ministri fi Brussel u rrapporta wkoll lill-Prim Ministru u ittieħdlu kummenti, liema kummenti inqasmu fi tlieta u ġew irrappurtati f’item waħda.

L-Awtorità rat x’kien iseħħ fi snin preċedenti f’rappurtaġġ simili u sabet li fl-aħħar snin meta l-Kapijiet tal-Partit jattendu għal laqgħat tal-Gruppi tal-Partiti Ewropej rispettivi tagħhom, il-PBS dejjem xandar coverage biss tal-Kapijiet tal-Partiti iżda qatt ma ttieħdu intervisti magħhom. Madanakollu meta Kap ta’ Stat ikun qed jirrappreżenta lil Malta f’summit tal-Mexxejja Ewropej dan jiġi rrappurtat u intervistat ukoll biex jagħti rendikont dwar suġġetti relatati għal pajjiżna u għaldaqstant ikollhom importanza nazzjonali. Il-Kap tal-istat ikun ukoll qed jagħti l-informazzjoni dwar id-diskussjonijiet li jkun qed isiru u x’deċiżjonijiet Ewropej ikunu ittieħdu jew se jittieħdu u li potenzjalment dawn jistgħu jaffettwaw lil pajjiżna. L-Awtorità tħoss li peress li l-prassi dejjem kienet li ma jittieħdux kummenti tal-kapijiet tal-partiti u l-Kap tal-Oppożizzjoni f’laqgħat tal-Gruppi tal-Partiti Ewropej, għaldaqstant tħoss li f’dan il-każ l-akkuża ma ġietx ippruvata.

30 ta’ Ġunju 2023