Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-PBS rigward l-aħbarijiet tal-24 ta’ Marzu 2023 minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar it-tilwima industrijali tal-MUMN
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward l-aħbarijiet tal-PBS tal-24 ta’ Marzu 2023 minħabba li l-PBS naqas li jirrapporta stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar it-tilwima industrijali tal-MUMN mal-Gvern fuq il-ftehim kollettiv.
Preżenti għas-smigħ f’seduta li nżammet fl-24 ta’ April 2023, kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-PN Dr Michael Piccinino u Dr Francis Żammit Dimech għall-Partit Nazzjonalista u l-Inġ Charles Dalli, l-Editor in Chief tal-PBS u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.
Għall-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali, Dr Michael Piccinino spjega l-kuntest għal dan l-ilment u qal li l-MUMN fl-24 ta’ Marzu ordnat direttivi għall-infermiera u l-qwiebel. Qal li fid-dawl ta’ din l-ordni, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li ġiet irrappurtata mill-media iżda mhux mill-PBS. Dr Michael Piccinino spjega li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ħarġet fil-kuntest tad-direttivi u qal li l-opinjoni politika tal-Partit Nazzjonalista hija relevanti fid-dawl ta’ dak li kien qed jiġri.
Għall-PBS Dr Mark Vassallo rrefera għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista u qal li l-aħbar marbuta ma’ din l-istqarrija kienet ġiet irrappurtata ad nauseam f’diversi bulettini tal-aħbarijiet ta’ TVM. Qali li anke l-opinjoni politika tal-Partit Nazzjonalista kienet ġiet irrappurtata permezz tar-rappurtaġġ tad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech. Dr Vassallo rrefera għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 u qal li l-Leġislazzjoni titratta r-rappurtaġġ ta’ opinjonijiet fil-bulettini tal-aħbarijiet kif ukoll il-valur ta’ l-aħbar. Dr Mark Vassallo qal li l-istqarrija trattata fl-ilment ma kellha l-ebda valur ta’ aħbar u ma tat l-ebda kontribut iżjed minn dak li kien diġà ġie rrappurtat mill-PBS.
Fil-kontro argument, Dr Francis Zammit Dimech qal li l-fatt li partit fl-Oppożizzjoni jagħti l-opinjoni politika fuq dak li jkun qed jiġri, dan għandu jiġi rrappurtat mix-xandir pubbliku. Spjega li l-istqarrija kienet qed toħloq kuntrast bejn il-kumment tal-ħniżrijiet man-nuqqas ta’ flus għall-infermiera u kien għalhekk li din l-istqarrija kellha tiġi rrappurtata.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet u d-dokumenti relatati u rat li l-PBS irrappurtat l-istqarrija tal-MUMN dwar it-tilwima li kellha mal-Gvern meta seħħet il-konferenza stampa fis-27 ta’ Marzu. Rat ukoll li ġie rrappurtat dak li qal Dr Bernard Grech dwar din il-materja. Anke l-vuċijiet u l-osservazzjonijiet politiċi ġew irrappurtati u dan hekk kif stazzjon pubbliku huwa obbligat li jagħmel sakemm ikun hemm valur ta’ aħbar. Tifhem ukoll li dejjem hemm id-diskrezzjoni editorjali tal-istazzjon iżda l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista meta l-MUMN fl-24 ta’ Marzu ħabbret tilwima industrijali mal-Gvern, setgħet ġiet irrappurtata. Qalet li l-istazzjon pubbliku għandu obbligu li jġib l-osservazzjonijiet politiċi jekk dawn ikollhom valur ta’ aħbar u dan skont id-diskrezzjoni editorjali.
Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità tikkonkludi li filwaqt li l-istazzjon naqas meta għażel li ma jxandarx l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista fuq it-teżi li kienet stqarrija bħala reazzjoni għas-sejħa tal-konferenza stampa tal-MUMN, iżda ma ssibx li dan in-nuqqas iwassal biex il-PBS iservi ta’ magna ta’ propaganda tal-Gvern.
Fid-dawl li dawn il-kwistjonijiet issa ġew riżolti temporanjament, l-Awtorità ma tħossx li għandu jingħata rimedju ħlief li jinqara dan is-sunt :-
Waqt seduta ta’ smigħ li saret fl-24 ta’ April, l‑Awtorità tax‑Xandir laqgħet l‑ilment tal‑Partit Nazzjonalista dwar in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista rigward is-sejħa ta’ tilwima industrijali bejn l-MUMN u l-Gvern. L-Awtorità qalet li l-PBS naqas milli jirrapporta silta mill-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista iżda qalet li dan in-nuqqas ma jirrendix lill-PBS li jservi ta’ magna ta’ propaganda favur il-Gvern.
3 ta’ Mejju 2023