Deċiżjoni dwar ilment minn LifeNetwork Malta kontra PBS rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tas-26 ta’ Jannar 2023 rigward id-diskors tal-ET il-President ta’ Malta dwar l-Olokawst
L-Awtorità kellha quddiemha lment minn LifeNetwork Malta kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tas-26 ta’ Jannar 2023 rigward rappurtaġġ tad-diskors tal-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta waqt il-kommemorazzjoni tal-Olokawst.
Għas-seduta li nżammet fl-4 ta’ Mejju 2023 kienu preżenti Dr Miriam Sciberras għal-LifeNetwork Malta assistita minn Dr Paul Borg Olivier. Għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, Dr Paul Borg Olivier irrefera għad-diskors tal-President ta’ Malta waqt il-kommemorazzjoni tal-Olokawst u qal li f’dan id-diskors il-President Dr George Vella għamel xebħ bejn il-qtil tat-trabi permezz tal-abort u l-Olokawst. Qal li din il-parti tad-diskors ġiet irrappurtata minn djar tal-midja oħra iżda l-PBS għażel li jħalli dan il-paragun barra mir-rappurtaġġ tad-diskors tal-President. Dr Paul Borg Olivier qal li l-kwistjoni tal-abort hija materja ta’ interess pubbliku u ta’ kontroversja pubblika u l-aħbarijiet ma setax jiċċensura din il-parti mid-diskors.
Dr Paul Borg Olivier argumenta li minkejja li d-diskors kien jittratta l-kommemorazzjoni tal-Olokawst, ix-xandir pubbliku xorta kellu l-obbligu li jirrapporta stanzi li jmorru ‘ l hinn mis-suġġett tal-attività. Qal li ġaladarba ħarġet l-istorja din kellha tiġi rrappurtata u dan ai termini ta’ Paragrafi 1 u 4 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14.
Għall-PBS Dr Mark Vassallo spjega li l-attività ġiet organizzata biex tfakkar l-Olokawst u qal li l-PBS irrapporta siltiet mid-diskors tal-President ta’ Malta dwar din il-kommemorazzjoni. Qal li fis-sunt tad-diskors tal-President li ttella’ wkoll mill-Uffiċċju tal-President fuq il-paġna uffiċjali tiegħu kif ukoll fis-sunt li esebixxa l-Uffiċċju tal-President stess u li tpoġġa fuq il-midja soċjali, din il-frażi li fuqha qed isir l-ilment lanqas ma ġietx inkluża. Qal li l-PBS ma qagħadx lura milli jirrapporta il-kontroversja tal-abort f’okkażjonijiet oħra iżda din l-attività partikolari li fuqha sar l-ilment kienet titratta l-Olokawst.
Wara li l-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumenti esebiti, l-Awtorità, filwaqt li tirrikonoxxi li x-xandir pubbliku għandu jirrapporta informazzjoni li ma tkunx ristretta mas-suġġett tar-rappurtaġġ u li l-abort huwa materja ta’ interess pubbliku u ta’ kontroversja pubblika, rat li l-fatt li dan il-kumment ma kienx irrapportat ma jfissirx li x-Xandir Pubbliku naqas fi dmirijietu. L-Awtorità rat il-fatt li lanqas l-Uffiċċju tal-President ma għażel li jpoġġi fis-sunt din il-frażi rigward l-abort fl-istqarrijiet pubblikati fuq il-mezzi soċjali. Huwa notevoli wkoll il-fatt li f’diskors li dam madwar erbatax-il minuta, issemmew ukoll punti oħra jew sar xebħ bejn punt u ieħor mill-President; madanakollu dawn ma ġewx ilkoll irrappurtati għaliex ma kinux punti saljenti tad-diskors li tratta l-kommemorazzjoni tal-Olokawst.
Fid-dawl ta’ dan l-Awtorità qablet li ma tistax tilqa’ dan l-ilment.
12 ta’ Mejju 2023