Deċiżjoni dwar ilment tal‑Partit Nazzjonalista fil‑konfront tal‑PBS rigward l‑aħbarijiet ta’ TVM rigward nuqqas ta’ sound on tape fil‑bulettini tal‑aħbarijiet
L‑Awtorità kellha quddiemha lment mill‑Partit Nazzjonalista kontra l‑aħbarijiet ta’ TVM dwar nuqqas sistematiku ta’ kummenti sound on tape ta’ rappreżentanti tal‑Oppożizzjoni. Eżempju ta’ dan kienu l‑aħbarijiet tat‑28 ta’ Frar, l‑1 ta’ Marzu u t‑2 ta’ Marzu 2023.
Preżenti għal dan is‑smigħ li sar f’seduta li nżammet fl‑20 ta’ Marzu, kien hemm is‑Segretarju Ġenerali tal‑Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech, filwaqt li għall‑PBS dehru l‑Editor‑in‑Chief l‑Inġ. Charles Dalli assistit mill‑Avukat Shaun Zammit .
Għall‑Partit Nazzjonalista, Dr Michael Piccinino saħaq li l‑PBS fl‑aħbarijiet tiegħu sistematikament mhux qed jittieħdu sound on tape ta’ kelliema mill‑Oppożizzjoni filwaqt li matul il‑bulettini tal‑aħbarijiet ta’ TVM, il‑PBS qed jagħżel li jieħu l‑kummenti ta’ esponenti tal‑Gvern. Irrefera għal tliet bulettini partikulari matul l‑ewwel ġimgħa ta’ Marzu li xxandru fl‑1, fit‑2 u fit‑3 ta’ Marzu u elenka s‑sound on tape tal‑Ministri u uffiċjali pubbliċi li ttieħdu b’kuntrast man‑nuqqas ta’ intervisti ma’ kelliema tal‑Oppożizzjoni. Qal li din kienet ġimgħa li fiha l‑Partit Nazzjonalista għamel diversi attivitajiet marbuta l‑aktar mal‑ġrajja kurrenti rigward l‑isptarijiet. Dr Francis Zammit Dimech irrefera għall‑provvediment tal‑Kostituzzjoni dwar it‑tqassim ġust ta’ ħin u qal li l‑aħbarijiet tal‑PBS għandu jara li jimxi mal‑obbligi Kostituzzjonali.
Għall‑PBS, l‑Editor‑in‑Chief l‑Inġ. Charles Dalli ċaħad li hemm xi mod sistematiku fejn ma jitteħdux kummenti lill‑kelliema tal‑Oppożizzjoni. Spjega wkoll li għandu jkun hemm distinzjoni bejn intervisti ma’ uffiċjali pubbliċi u intervisti ma’ kelliema tal‑Gvern. L‑Inġ. Charles Dalli rrefera għal‑linji gwida u qal li fihom hemm gwida ta’ kif u meta għandhom jittieħdu l‑kummenti waqt l‑aħbarijiet. L‑Awtorità ħadet konjizzjoni tas‑sottomissjonijiet tal‑partijiet u rat id‑dokumenti relattivi u tenniet il‑pożizzjoni tagħha f’deċiżjoni li kienet diġà tat f’Awwissu 2022 fejn filwaqt li tifhem li l‑kamra tal‑aħbarijiet ikollha element ta’ diskrezzjoni editorjali iżda għandu jkun hemm attenzjoni kbira ta’ kemm‑il darba jittieħdu kummenti ta’ politiċi. L‑istazzjon għandu jara li jkun hemm rappreżentanza xierqa fin‑numru ta’ intervisti bejn il‑kelliema tal‑Gvern u l‑kelliema tal‑Oppożizzjoni waqt il‑bulettini tal‑aħbarijiet. L‑Awtorità rat ukoll li wieħed għandu jkun kawt meta jikklassifika l‑intervisti ta’ uffiċjali tal‑Gvern bħala xi rappreżentanti tal‑Gvern, u dan meta fit‑tliet bulettini li ngħataw bħala eżempju mil‑lanjant u li fihom ġew intervistati xi uffiċjali pubbliċi, fil‑fatt dawn tkellmu mil‑lat professjonali u ma tawx kummenti ta’ kontroversja. Minkejja dan, l‑Awtorità rat li ma kien hemm l‑ebda kelliem jew rappreżentant tal‑Oppożizzjoni.
Madanakollu fil‑ġimgħa li saret referenza għaliha fl‑ilment mill‑Partit Nazzjonalista, l‑Awtorità rat li minkejja li n‑numru ta’ intervisti mal‑kelliema tal‑Gvern naqas drastikament qed twissi lill‑istazzjon li għandu jagħmel sforz u fejn ikun hemm bżonn isiru intervisti ma’ kelliema tal‑Oppożizzjoni u dawn għandhom ikunu inklużi fil‑bulettin. Jidher li l‑istazzjon għamel sforz biex inaqqas in‑numru ta’ intervisti ma’ Ministri, iżda nnotat li l‑PBS għadu mhux qed jieħu kummenti ta’ kelliema tal‑Oppożizzjoni meta u jekk ikun meħtieġ. Għaldaqstant l‑Awtorità laqgħet l‑ilment filwaqt li ħalliet għad‑diskrezzjoni editorjali meta jkun hemm dan il‑bżonn.
Fid‑dawl ta’ din id‑deċiżjoni, ai termini ta’ Artiklu 15 tal‑Att dwar ix‑Xandir, l‑Awtorità qed titlob li jinqara dan is‑sunt mid‑deċiżjoni fil‑bulettin tad‑29 ta’ Marzu:‑
L‑Awtorità tax‑Xandir investigat ilment tal‑Partit Nazzjonalista li lmenta li fil‑bulettini tal‑aħbarijiet ma jitteħdux kummenti lill‑kelliema tal‑Oppożizzjoni b’kuntrarju għall‑kelliema tal‑Gvern. L‑Awtorità rat li n‑numru ta’ intervisti mal‑kelliema tal‑Gvern naqas minn deċiżjoni li kienet ħadet l‑istess Awtorità fil‑konfront tal‑PBS fix‑xhur li għaddew, iżda xorta ma tteħdux kummenti minn kelliema tal‑Oppożizzjoni. Għaldaqstant l‑Awtorità laqgħet l‑ilment tal‑Partit Nazzjonalista.
29 ta’ Marzu 2023