TVM - Aħbarijiet - 29 ta' Jannar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward TVM News tad-29 ta’ Jannar 2024  stqarrija tal-Kamra tal-Avukati, stqarrija tal-Għaqda Studenti tal-Liġi għal dak li qal il-Prim Ministru dwar il-ġudikatura u reazzjoni tal-Għaqda Repubblika

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward TVM News tad-29 ta’ Jannar 2024 dwar ir-reazzjoni għal dak qal il-Prim Ministru dwar il-ġudikatura u l-istqarrijiet tal-Kamra tal-Avukati u l-Għaqda Studenti tal-Liġi u aħbar tal-Għaqda Repubblika.

 

Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.

 

Dr Michael Piccinino ta sfond tal-ilment imressaq u qal li nhar id-29 ta’ Jannar 2024, PBS xandar aħbar tal-Għaqda Repubblika li matulha kien hemm typo u minflok “PM”, inkiteb “PN”. Għalhekk inbidel is-sens kollu tal-aħbar l-għaliex il-kritika tal-President tal-Għaqda Repubblika ġie allura kwotat li qed jikkundanna lill-PN u mhux lill-Prim Ministru. Dr Michael Piccinino semma wkoll li kemm l-istqarrija tal-Għaqda Studenti tal-liġi kif ukoll dik tal-Kamra tal-Avukati, li ma ġewx rappurtati fl-istess servizz.

 

Dr Mark Vassallo wieġeb li l-aħbar tal-Kamra tal-Avukati xxandret wara l-ilment, cioè fis-7 ta’ Frar 2024 u li malli PBS intebaħ bit-typo, għamel rettifika mmedjata.

 

Il-Bord ikkonferma l-fatt li x-xandar tassew kien irrimedja l-iżball filwaqt li xandar ukoll l-istqarrija tal-Kamra tal-Avukati. Madankollu x-xandar pubbliku naqas milli jirrimedja l-iżball fil-pront kif titlob is-serjetà ġurnalistika u filwaqt li ma rrispondiex lill-persuna li qed tilmenta fil-ħin stipulat mill-liġi, ħalla żmien twil wisq biex jirrikonoxxi u jirrimedja. Għalhekk din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rimedju effettiv fiċ-ċirkustanzi stante li dan l-iżball sar waqt bulettin tal-aħbarijiet fejn l-istennija tal-korrettezza hija ferm ogħla minn xandiriet oħrajn. Għal dawn ir-raġunijiet qed jilqa’ l-ilment.

 

 

 

 

1 ta’ Marzu 2024

Smigħ 02/2024 Numru 5

Ref: 5/24