Deċiżjoni fil-konfront ta’ ilment mill-Partit Laburista kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tad-29 ta’ Marzu 2023 rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ dak li seħħ fil-Parlament mid-Deputati Nazzjonalisti
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Laburista kontra PBS rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tad-29 ta’ Marzu minħabba li l-PBS ma rrapportax avveniment li seħħ fil-Parlament.
Għas-seduta li saret fil-15 ta’ Mejju, għall-Partit Laburista dehru s-Sur Ronald Vassallo, il-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Partit Laburista u Dr Ramona Attard, il-President tal-Partit Laburista. Għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli u Dr Mark Vassallo li deher f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.
Għall-Partit Laburista, Dr Ramona Attard irreferiet dwar is-seduta tal-laqgħa tal-Kumitati tal-Abbozzi tal-Liġijiet. Qalet li l-PBS ma rrapportax dak li seħħ f’din is-seduta minkejja li dak li seħħ kellu valur ta’ aħbar minħabba li l-mod kif aġixxew id-Deputati Nazzjonalista jirrifletti l-attitudni tal-Partit Nazzjonalista.
Dr Ramona Attard qalet li mhemmx ġustifikazzjoni li l-PBS ma jirrapportax dawn is-seduti u spjegat li kien hemm valur ta’ aħbar f’seduta bħal din minħabba żewġ punti. L-ewwelnett, dan l-abbozz kien jirrikjedi ż-żewġ terzi tal-Kamra; u anke minħabba li f’din is-seduta l-Oppożizzjoni telqet ‘il barra minn dan il-Kumitat. Dr Ramona Attard qalet li waqt din is-seduta kien hemm ukoll inċident ieħor fejn deputat Nazzjonalista hedded Deputat tal-Gvern. Qalet li għaldaqstant il-Partit Laburista jħoss li kellu jkun hemm rappurtaġġ ta’ din is-seduta għal dawn ir-raġunijiet. Kompliet li dan kollu juri l-karattru tal-Oppożizzjoni minħabba l-mod kif aġixxew deputati Nazzjonalisti.
Għall-PBS, Dr Mark Vassallo spjega li l-PBS għandu prassi ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali li Kumitati Parlamentari ta’ dan it-tip ma jiġux irrappurtati. Qal li l-linja editorjali kienet li dan il-każ m’għandux jiġi rrappurtat u qal li fin-nuqqas ta’ dan il-PBS ma jħossx li kellu konsegwenza ta’ imparzjalità dovuta jew żbilanċ.
Wara li l- Awtorità rat is-sottomissjonijiet tal-partijiet u d-dokumenti relatati ma’ dan l-ilment, rat li ma kienx hemm bażi biżżejjed biex wieħed jiġġustifika li kellu jkun hemm r-rappurtaġġ ta’ dan il-Kumitat u dak illi seħħ. Rat li kien minnu li l-PBS ma rrapurtax dik is-seduta partikolari iżda din ma tatx lok għal nuqqas ta’ imparzjalità u l-argumenti li nġiebu ma kinux biżżejjed biex jissostanzjaw li l-każ kellu jiġi rrapurtat. Għaldaqstant l- Awtorità ma laqgħetx l-ilment.
25 ta’ Mejju 2023