TVM - Aħbarijiet - 29 ta' Ottubru 2022




Deċiżjoni fil-konfront tal-PBS rigward rapport ta’ aħbar dwar suċċess miksub minn żewġ artisti Maltin tat-tattoo, li xxandret fil-bulettin tal-aħbarijiet tad-29 ta’ Ottubru 2022

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv rigward rapport ta’ aħbar (news item) li xxandret fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-PBS fid-29 ta’ Ottubru 2022. Fl-akkuża tagħha, il-Kap Eżekuttiv qalet li dan ir-rapport kiser Artiklu 16 K (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir u kiser ukoll il-provvedimenti tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.23 - Ħtiġiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Tattoos.

F’seduta li nżammet fl-1 ta’ Frar 2023 wara li fit-30 ta’ Diċembru 2022  il-PBS kien talab diferiment mill-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli Editor in Chief u Dr Shaun Zammit għall-PBS.

Il-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri, ippreżentat l-akkuża u rreferiet għas-servizz tal-aħbarijiet li rrapporta s-suċċess ta’ żewġ artisti Maltin tat-tattoo – Luke u Kersten Mercieca, li kellhom barra minn Malta. Dr Spiteri qalet li l-mod kif ġie ppreżentat dan ir-rapport tal-aħbarijiet wassal għal reklamar b’ingann u ksur ta’ Artiklu 16 K (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir u konsegwentament ksur tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.23 – Ħtiġiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Tattoos. Qalet li dan sar minħabba li waqt li kienu intervistati ż-żewġ Maltin dehru bi flokk bil-logo tat-Tatoo Studio tagħhom. Qalet li r-rapport irrefera wkoll għal aspetti relatati mal-istudjow personali tagħhom fosthom li fl-istudjows jagħtu privatezza għall-klijenti.

L-Inġ. Charles Dalli, għall-PBS, qal li r-rapport tal-aħbarijiet kien ċelebrazzjoni ta’ żewġ artisti Maltin li poġġew isem Malta fuq il-mappa wara li kkompetew ma’ 80 artist barrani u rebħu kompetizzjoni li saret fl-Istati Uniti. Ċaħad li dan ir-rapport ma kienx reklam u l-fatt li dehru bil-logo fuq it-T shirt ma jagħmilx ir-rapport tal-aħbarijiet reklamatorju. Dr Shaun Zammit, l-Avukat f’isem il-PBS qal li fir-rapport, il-PBS kien biss qed jirrapporta s-suċċess ta’ dawn iż-żewġ Maltin.

Wara li l-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet u rat ukoll id-dokumentazzjoni u l-filmat relatat mal-każ, filwaqt li l-Awtorità tiddikjara li mhijiex kontra r-rappurtaġġ tas-suċċess miksub, iżda, jidhrilha li r-rappurtaġġ ma sarx fil-qafas tar-regoli mfissra fl-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità jidhrilha li minħabba li l-parteċipanti, waqt l-intervista, kienu lebsin T shirt bil-logo tat-Tattoo Studio tagħhom, seħħ ksur ta’ Artiklu 16 K (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir, kif ukoll l-istazzjon qed jinstab ħati tat-tieni akkuża ossia, ksur ta’ Paragrafu 2.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.23 - Ħtiġiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Tattoos. Għaldaqstant l-Awtorità qed issib l-istazzjon ħati fuq l-ewwel akkuża u qed timponi penali ta’ €2,330 fuq Ksur ta’ Artiklu 16 K (1) (a); u ngħata twiddiba fuq it-tieni akkuża, jiġifieri ksur tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.23. Il-penali trid titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. 

 

                                                13 ta’ Frar 2023