Deċiżjoni rigward ilment imressaq minn Dr Jason Azzopardi kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tad-29 ta’ Awwissu PBS Ltd rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-30 ta’ Awwissu 2024 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ reazzjonijiet tiegħu
L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha ilment imressaq minn Dr Jason Azzopardi kontra PBS rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ reazzjonijiet tiegħu għal rappurtaġġ ta’ stqarrija u kummenti tal-Prim Ministru fil-konfront tiegħu.
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir skeda s-smigħ għal nhar it-12 ta’ Settembru 2024 iżda dan ġie differit għas-17 ta’ Settembru 2024 minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-rappreżentant legali ta’ PBS.
Għas-smigħ tas-17 ta’ Settembru 2024 deher Dr Jason Azzopardi nnifsu kif ukoll l-Editor-in Chief l-Inġ. Charles Dalli, il-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Owen Galea u r-rappreżentant legali tal-PBS Dr Mark Vassallo għal PBS.
Dr Jason Azzopardi spjega li fit-30 t’Awwissu 2024 PBS irrapporta ġustament il-kumment pubbliku tal-Prim Ministru dwar materja ta’ ċertu mportanza, ċioè t-talba li hu għamel bħala ċittadin privat għal inkjesta maġisterjali fuq dak li hu jemmen li hu skandlu fuq punti relatati mal-liċenzja, maħfura mil-LESA. Qal li wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx miegħu. Kompla li hu għamel talba għal ftuħ ta’ inkjesta li skont hu kellha tinfetaħ minn xi ħadd ieħor. Qal ukoll li l-Prim Ministru kkummenta li min għamel it-talba “kien giddieb u ġifa”. Għal darb’oħra qal li wieħed jista’ jaqbel miegħu jew ma jaqbilx miegħu. Sa hemm spjega li ma kellux oġġezzjoni bir-rappurtaġġ tal-PBS.
Kompla li l-ilment tiegħu hu għall-fatt li ftit minuti wara, meta hu kien irreaġixxa għal dak li ntqal mill-Prim Ministru, kif kellu kull dritt, PBS ma rrappurtax dan. Ir-reazzjoni kienet tikkonsisti fi sfida li l-Prim Ministru jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jressqu b’arrest talli hu kkommetta reat ta’ kalunja, delitt mgħobbi bi priġunerija. Din ir-reazzjoni tħalliet barra mir-rappurtaġġ ta’ PBS. Spjega li l-għada, fil-31 t’Awwissu 2024, hu kiteb b’żieda li kellu jitressaq b’teħid ta’ ġurament falz punibbli bil-ħabs. Ikkonkluda li l-PBS ma ħax il-kumment tiegħu fejn spjega li mhux giddieb u kodard f’żewġ istanzi: fit-30 ta’ Awwissu fejn qal li kellu jitressaq fuq kalunja u fil-31 t’Awwissu fejn qal li kellu jitressaq fuq ġurament falz. Irrefera għall-kunċett ta’ par condicio (parità), li f’dan il-każ kien mankanti u dan b’dannu għal min kien qed jisma’ l-aħbar fejn kellu dritt jisma’ dak li qal il-Prim Ministru imma wkoll dak li qal hu.
Dr Mark Vassallo qal li r-referenza li kien qed jagħmel Dr Jason Azzopardi kienet fil-fatt parti minn coverage ta’ servizz tal-aħbarijiet ferm itwal, ċioè dak tat-30 t’Awwissu 2024. Kompla li Dr Jason Azzopardi qabeż għal kollox l-ewwel tliet kwarti tas-servizz tal-aħbarijiet. Hu qal li PBS irrapporta r-reazzjonijiet kollha nkluż tal-LESA u ta’ Dr Byron Camilleri. Dwar il-parità Dr Mark Vassallo kkummenta li l-facebook post ta’ Dr Jason Azzopardi kienet ittellgħet fis-19:05, ċioè 50 minuta qabel l-aħbarijiet. Spjega li anke kieku kienu jafu biha ma kinux se jġibuha l-PBS għax din kienet dwar l-inizjattiva biex issir l-inkjesta. Kompla li jekk hemm min jaħseb li din saret in mala fede, irid jara dak li xandar PBS fil-ġurnata ta’ qabel is-seduta tas-smigħ, jiġifieri fis-16 ta’ Settembru u li wieħed irid jikkunsidra kollox fuq firxa ta’ żmien. Il-ġist tal-aħbar qal li kienet servizz tal-aħbarijiet b’coverage estensiv dwar inkjesta ta’ ċertu portata, inkluż ir-reazzjonijiet tal-Prim Minsitru, tal-Ministru Dr Camilleri u tal-LESA. Magħhom il-PBS ġab servizz estensiv il-ġurnata ta’ qabel is-seduta, fis-16 ta’ Settembru 2024. Dwar il-botta u risposta bejn Dr Jason Azzopardi u l-Prim Ministru, semma li l-facebook posts mhumiex mod uffiċjali sabiex wieħed iwassal dritt ta’ risposta u li din għandha tintbagħat lill-istazzjon. Qal li PBS ma rax li kien hemm dritt ta’ risposta. Dwar il-forma mentis tal-PBS li tinħareġ l-aħbar, reġa’ rrefera għar-rappurtaġġ tal-bieraħ. Dr Mark Vassallo ppreżenta ż-żewġ facebook posts ta’ Dr Jason Azzopardi.
Dr Jason Azzopardi rribatta billi tenna li l-unika mod li ċittadin jista’ jagħmel stqarrija hija permezz ta’ post fuq il-mezzi soċjali. Qal ukoll li t-tema hija mportantissima u li s-semmiegħ/telespettatur irid ikollu informazzjoni ġusta taż-żewġ naħat. Dr Jason Azzopardi kkummenta dwar żewġ akkużi li għamel il-Prim Ministru dwar ġurament falz u kalunja u staqsa kif il-PBS ma ġabx ir-reazzjoni tiegħu fejn mingħajrha ċ-ċittadin jaħseb li s-silenzju jfisser approvazzjoni. Qal li l-pretensjoni tiegħu kienet biss li l-PBS jirrapporta li hu kien ċaħad dan li ngħad. Filwaqt li esiġa li PBS kellu d-dmir li jirrapporta dak li qal il-Prim Ministru, kellu wkoll id-dmir li jirrapporta r-reazzjoni tas-suġġett.
Wara li l-partijiet telqu mis-seduta l-Bord iddiskuta dan l-ilment.
Il-Bord sab li filwaqt li ġustament il-PBS irrapporta dan il-każ minn veduti differenti, iżda l-PBS naqas meta ma għamilx referenza għall-isfida ta’ Dr Jason Azzopardi b’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru. Dr Jason Azzopardi saħansitra sfida li jittieħdu passi kontra tiegħu għal dak li kien qed jallega l-Prim Ministru. Il-Bord jemmen ukoll li l-PBS kellu obbligu li jxandar il-fatt li Dr Jason Azzopardi kien ċaħad l-istqarrijiet. Għalhekk il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qed jilqa’ dan l-ilment u jordna lill-istazzjon ixandar il-konklużjoni ta’ din id-deċiżjoni fi żmien jumejn (2) mid-data tad-deċiżjoni.
27 ta’ Settembru 2024
Smigħ 12_24
Ref.:41/24