Deċiżjoni dwar ilment tal-Partit Nazzjonalista rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-3 ta’ Marzu 2023 rigward rappurtaġġ tal-proġett tal-Belveder tal-Isla
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 5 ta’ Marzu 2023 rigward rappurtaġġ li deher fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-3 ta’ Marzu li rrapporta l-proġett tal-Belveder tal-Isla. F’dan l-ilment il-Partit Nazzjonalista lmenta li dan ir-rappurtaġġ tal-aħbar kien intenzjonat biss biex jiddefendi dan il-proġett u serva ta’ magna ta’ propoganda għall-Gvern.
L-Awtorità semgħet lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino u lil Dr Francis Zammit Dimech f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lill-Inġ. Charles Dalli, l-Editor-in-Chief tal-PBS li kien assistit minn Dr Shaun Zammit f’isem u in rappreżentanza tal-PBS Ltd f’seduta li nżammet fl-20 ta’ Marzu 2023.
Il-Partit Nazzjonalista kkontenda li l-PBS xandar dan ir-rapport tal-aħbarijiet biex imewwet il-kritika li kienet qed issir fuq il-mezzi soċjali partikolarment dwar l-istruttura li kienet inbniet f’dan il-proġett. Dr Zammit Dimech qal li dan ir-rapport intuża bħala gatekeeping għaliex din l-aħbar ma kinitx qed tirrapporta xi avveniment, iżda ġiet irrappurtata konsegwenza ta’ kritika li qamet fuq il-mezzi soċjali u kien rapport maħluq fuq suġġett li kien hemm kontroversja dwaru fuq il-mezzi soċjali. Qal li l-eżerċizzju ta’ propoganda ntlaħaq mill-istazzjon minħabba li ġew intervistati uffiċjali pubbliċi u esponenti tal-Gvern u ma sar l-ebda sforz biex jiġu intervistati persuni oħra biex jagħtu l-verżjoni l-oħra. Is-Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino, fakkar li saħansitra anke l-Onor. Adrian Delia kiteb fuq il-midja soċjali dwar din il-kontroversja.
Min-naħa tiegħu l-istazzjon saħaq li l-ilment mhuwiex ġustifikat għax il-PBS irrapporta u wassal informazzjoni dwar il-proġett li kien qed isir u dan skont il-linji gwida tal-PBS. L-Inġ. Charles Dalli qal li ż-żewġ persuni li ġew intervistati ma kinux esponenti tal-Gvern imma uffiċjali pubbliċi. Dr Shaun Zammit għall-PBS qal li l-Awtorità trid tara jekk dan ir-rapport kienx fattwali u li fil-fehma tal-PBS kellu wkoll valur ta’ aħbar li kien jimmerita jkun inkluż fil-bulettin tal-aħbarijiet.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet u rat id-dokumenti relattivi u kkonstatat li dan il-proġett tal-Belveder tal-Isla kellu valur ta’ aħbar u għamel sew li l-PBS irrapporta u ta informazzjoni dwar dan il-proġett. Qalet li l-fatt li ġew intervistati żewġ uffiċjali pubbliċi li setgħu jwasslu informazzjoni u fehmiet marbuta mal-ħtieġa u x-xogħol tal-proġett, kien ukoll relevanti għar-rapport. Iżda minħabba li kien hemm kritika dwar binja partikolari ta’ dan il-proġett, kif fil-fatt indika l-PBS stess fir-rappurtaġġ tiegħu, TVM kellu jirrapporta wkoll dik il-kritika. Żiedet li minħabba f’hekk l-ilment tal-Partit Nazzjonalista jissussisti u laqgħet l-ilment. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni l-Awtorità qed tidderieġi lill-PBS ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir biex tinqara din id-deċiżjoni hekk kif ġej fil-bulettin tat-28 ta’ Marzu 2023:-
Fi smigħ li sar fl-20 ta’ Marzu, l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista dwar ir-rappurtaġġ tal-proġett tal-Belveder tal-Isla. L-Awtorità qalet li filwaqt li l-PBS għamel sew li rrapporta dwar dan il-proġett wara li kien hemm kritika fuq il-midja soċjali, l-istess rapport kellu jinkludi wkoll il-kritika li kien hemm dwar binja partikolari f’dan il-proġett.
28 ta’ Marzu 2023