TVM - Aħbarijiet - 30 ta' Diċembru 2020




Deċiżjoni dwar ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ PBS Ltd fir-rigward tal-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM tat-30 ta’ Diċembru 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tat-30 ta’ Diċembru 2020 rigward rapurtaġġ ta’ stqarrija b’rabta mal-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-persuni li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza Maltija.

Għall-Partit Nazzjonalista dehru virtwalment Dr Francis Zammit Dimech u Dr Karol Aquilina filwaqt li għall-PBS dehru virtwalment s-Sinjura Norma Saliba u Dr Mark Vassallo.

Dr Karol Aquilina beda bis-sottomissjonijiet tiegħu u ta dettalji dwar kif oriġinat l-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-Partit Nazzjonalista. Spjega li wara li kien inħareġ avviż legali, l-Gvern kien żamm id-dritt li l-ismijiet ta’ dawk li xtraw iċ-ċittadinanza ma jiġix ippubblikat. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija fejn ta l-pożizzjoni tiegħu dwar dan u l-Gvern b’effett tal-istqarrija ħabbar li kien se jemenda l-avviż legali. Qal li wara dan il-Partit Nazzjonalista reġa’ ħareġ stqarrija oħra b’reazzjoni għal dak li kien qal il-Gvern. Dr Aquilina qal li filwaqt li l-PBS xandar id-deċiżjoni tal-Gvern iżda ma xandarx l-aħbar li reġgħet ħarġet mill-istqarrija tal-Oppożizzjoni li sostna li xorta waħda kien għad fadal element ta’ segretezza fil-programm taċ-ċittadinanza.

Min-naħa tiegħu, Dr Mark Vassallo, in rappreżentanza tal-PBS qal li ma jħoss li għandu jkun hemm l-ebda rimedju għal dan l-ilment għaliex il-PBS ġustament irraporta l-ewwel stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li tkellem dwar il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet inkonessjoni mal-iskema taċ-ċittadinanza. Dr Vassallo qal li t-tieni stqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet ripetizzjoni tal-ewwel stqarrija. Kien għalhekk li Dr Vassallo rrefera għall- Paragrafu 2.1.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 - Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal bulettini tal-aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u qal li l-PBS ma jistax jiġi ridott għal bulettin tal-aħbarijiet bħala notice board tal-partiti politiċi. Qal ukoll li l-liġi stess taħseb għal dan u tiddefenixxi aħbar bħala rapurtaġġ ta’ xi ħaġa ġdida u mhux ripetizzjonijiet. Fid-dawl ta’ dan qal li t-tieni stqarrija ma kellhiex valur ta’ aħbar. 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni ta’ dak li ġie ppreżentat u rat ukoll id-dokumenti u l-filmati relattivi. L-Awtorità jidrilha li l-ewwel stqarrija kienet qed tikkundanna s-segretezza fil-programm taċ-ċittadinanza u ġustament ġiet irrapurtata fil-bulettin tal-aħbarijiet.  L-Awtorità tħoss li t-tieni stqarrija ma kellhiex aħbarijiet ġodda li ma ġewx koperti bl-ewwel stqarrija li kienet ġiet irrapurtata fil-ġurnata ta’ qabel. L-Awtorità ħasset li fit-tieni stqarrija ma kienx hemm punti ġodda, u għalhekk din l-istqarrija ma kienx hemm bżonn li tiġi imxandra. L-Awtorità qablet li fid-dawl ta’ dan kollu, l-ilment għandu jiġi miċħud.

24 ta’ Frar 2021