TVM - Aħbarijiet - 30 ta' Lulju 2022




Deċiżjoni dwar ilment imressaq mill-Partit Laburista fil-konfront ta’ PBS Ltd fir-rigward tal-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM tat-30 ta’ Lulju 2022

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tat-30 ta’ Lulju 2022 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ tad-diskors tal-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, is-Sur Robert Arrigo waqt id-diskors tiegħu fil-konferenza ġenerali meta kien hemm il-ħatra ta’ Viċi Kap ġdid għall-Partit Nazzjonalista.

Fis-seduta tas-smigħ li nżammet fit-22 ta’ Settembru 2022, għall-Partit Laburista dehru l-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard u l-Kap tal-Komunikazzjoni s-Sur Ronald Vassallo u għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ. Charles Dalli u l-Konsulent Legali tal-PBS Dr Mark Vassallo.

Dr Ramona Attard ressqet is-sottomissjonijiet tal-Partit Laburista u ppreżentat ukoll numru ta’ rapporti li dehru fuq news portals li rrappurtaw id-diskors tal-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, is-Sur Robert Arrigo; liema diskors ma ġiex irrappurtat fuq il-bulettini tal-aħbarijiet tal-PBS. Irreferiet ukoll għal numru ta’ facebook posts tas-Sur Robert Arrigo li lkoll kellhom l-istess tema tad-diskors tas-Sur Arrigo waqt din il-konferenza ġenerali. Qalet li l-poplu Malti kellu jkun infurmat b’dak li kien qed jgħid is-Sur Arrigo fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u dwar il-mod kif ġie trattat mill-Partit Nazzjonalista. Qalet li din l-okkażjoni kienet l-ewwel darba li fiha tkellem is-Sur Robert Arrigo minn wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u qalet li l-kritika li saret kienet importanti li tiġi rrappurtata aktar u aktar meta ġejja minn Vici Kap uxxenti.

Għan-nom tal-PBS, l-Inġ. Charles Dalli qal li l-PBS jimxi mal-prassi li meta jkun hemm Kunsill Ġenerali, ir-rappurtaġġ jieqaf mad-diskors tal-mexxej u qal li l-PBS ma jidħolx fil-mertu ta’ diskorsi ta’ kelliema oħra. L-Inġ. Charles Dalli spjega wkoll li l-PBS ma jirrappurtax battibekki li jkun hemm fi ħdan il-partiti politiċi jew bejn deputati. Dr Mark Vassallo ċċara li aħbarijiet jittratta temi fattwali u kontroversji politiċi jistgħu jitpoġġew fuq programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u mhux f’bulettini tal-aħbarijiet.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni ta’ dak li ġie ppreżentat u rat ukoll id-dokumenti u l-filmati relattivi.  L-Awtorità jidhrilha li l-PBS kellu jirrapporta li l-Viċi Kap uxxenti - is-Sur Robert Arrigo, kkritika l-mod kif ġie trattat mill-Partit Nazzjonalista waqt il-konferenza ġenerali ta’ ħatra ta’ Viċi Kap ġdid, iżda l-PBS ma kellux jidħol fil-mertu ta’ dak li qal is-Sur Robert Arrigo. L-Awtorità qablet ukoll li l-prassi tal-PBS ma tistax tkun inflessibbli fil-mod kif tiġi operata f’ċertu ċirkostanzi u l-PBS ma tistax tuża l-prassi bħala paraventu. L-Awtorità ddeċidiet li l-ilment tal-Partit Laburista kien ġustifikat, madanakollu ma kinitx tħoss li kien hemm lok għal rimedju.

 

 

20 ta’ Ottubru 2022