TVM - Aħbarijiet - 30 ta’ Marzu, 2020




Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd., rigward l-aħbarijiet ta’ TVM

 li xxandru fit-30 ta’ Marzu, 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward l- aħbarijiet ta’ TVM li xxandru fit-30 ta’ Marzu, 2020.  F’dan il-bulettin ixxandar rapport tal-aħbarijiet dwar il-minorenni Kim Mifsud li intqal li għandha tliet snin u li tinsab rikoverata f’Rainbow Ward. Ir-rapport tal-aħbarijiet tratta din l-istorja u ġie rrapurtat li omm Kim qiegħda iżolata ma’ bintha. Fir-rapport intqal li Kim ta’ tliet snin hija waħda mill-pazjenti rikoverati fl-isptar tal-onkoloġija u li minħabba din is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 jkollha tiċċaħħad milli tara liż-żewġ ġenituri tagħha. F’dan is-servizz ixxandret intervista virtwali ma’ Claudette Mifsud, omm Kim u ma’ Rennie Zerafa mill-Fundazzjoni Puttinu Cares.   

 F’dan is-servizz ixxandar filmat tal-minorenni Kim Mifsud flimkien ma’ ommha f’waħda mill-kmamar tal-isptar u f’dan il-filmat intweriet b’mod ċar il-minorenni.  L-Awtorità ma rċeviet l-ebda media assessment dwar dan il-każ u għaldaqstant kien hemm ksur tal-Provvediment 4.1.7 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir. 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri u l-Editur Reno Bugeja, l-Avukat Shaun Zammit in rappreżentanza tal-istazzjon u l-Kap tas-sales u reklamar Mario Micallef. 

Is-Sur Reno Bugeja qal li dan huwa każ partikolari u minkejja li mhux qed jiċħad din l-akkuża huwa ppreżenta ċ-ċertifikat tat-twelid tal-minuri li juri li għandha iżjed minn tlett snin u ppreżenta wkoll traskrizzjoni tal-intervista. Is-Sur Bugeja qal dan huwa wieħed mill-ħafna servizzi li saru li wrew kemm il-COVID-19 kienet kattiva mhux biss ma’ min irriżulta pożittiv għaliha iżda anke nies oħra li ntlaqtu indirettament kif juri dan il-każ partikolari. Is-Sur Reno Bugeja qal li huma kellhom kunsens mill-omm u mill-isptar biex dan is-servizz isir u fl-ebda mod ma kien hemm sfruttar. Qal li s-servizz mxandar ma trattax il-kundizzjoni tat-tifla imma tratta d-diffikultà li għaddiet minnha din il-familja minħabba l-COVID-19. 

L-Awtorità ddiskutiet fit-tul dan il-feature partikolari u qablet li dan il-feature wera l-impatt li ħalliet il-Covid 19 u  li l-pubbliku ma jkunx konxju minnhom. L-Awtorità qablet li l-focus ta’ dan is-servizz ma kienx fuq it-tifla. L-Awtorità fehmet li kienu sitwazzjonijiet diffiċli u li l-istazzjon ma ppruvax juża jew jisfrutta lit-tifla jew il-vulnerabbilità tagħha. Fiċ-ċirkostanzi, l-Awtorità ma sabitx lill-PBS Ltd. ħati ta’ dan il-ksur.

  

 

 

Illum 20 ta’ Lulju, 2020