TVM - Aħbarijiet - 30 ta' Marzu 2023




Deċiżjoni dwar ilment mill‑Partit Laburista kontra PBS rigward l‑aħbarijiet tat‑30 ta’ Marzu rigward in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ tar‑rapport annwali tal‑Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti

L‑Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill‑Partit Laburista kontra PBS rigward l‑aħbarijiet ta’ TVM tat‑30 ta’ Marzu minħabba li l‑PBS ma rrapportax rapport li nħareġ mill‑Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti.

Fis‑seduta tal‑15 ta’ Mejju, għall‑Partit Laburista dehru s‑Sur Ronald Vassallo, il‑Kap tal‑Kommunikazzjoni tal‑Partit Laburista u Dr Ramona Attard, il‑President tal‑Partit Laburista.  Għall‑PBS dehru l‑Editor in Chief l‑Inġ. Charles Dalli u Dr Mark Vassallo li deher f’isem u in rappreżentanza tal‑PBS.

Għall‑Partit Laburista Dr Ramona Attard qalet li r‑rapport indipendenti tal‑Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti, kien ġie ppreżentat fil‑Parlament fit‑28 ta’ Marzu kif ukoll kienet ippubblikata stqarrija mill‑istess Kunsill fit‑30 ta’ Marzu 2023. Dr Ramona Attard spjegat li dan ir‑rapport huwa importanti għaliex kien qed jirrifletti dwar il‑qagħda ekonomika ta’ pajjiżna u ssottilinea l‑miżuri tal‑Gvern fuq il‑prezzijiet tal‑ikel. Dr Attard qalet li l‑fatt li dan ir‑rapport ma ġiex irrapportat inħoloq żbilanċ fil‑bulettin anke minħabba li fil‑bulettin tat‑30 ta’ Marzu, il‑PBS għażel li jirrapporta l‑interpretazzjoni tal‑Kelliem tal‑Oppożizzjoni Jerome Caruana Cilia għal dan ir‑rapport dwar il‑prezzijiet tal‑ikel.

Għall‑PBS, l‑Editor in Chief l‑Inġ. Charles Dalli qal li l‑PBS jirrapporta dejjem l‑andament li jkun għaddej u qal li minkejja li dan ir‑rapport ma ġiex irrappurtat mill‑PBS, dan il‑fatt ma wassalx biex il‑bulettin ikun żbilanċjat.

Wara li l‑Awtorità ħadet konjizzjoni tas‑sottomissjonijiet tal‑partijiet rat li l‑ilment tal‑Partit Laburista jiġi milqugħ. L‑Awtorità rat li l‑PBS naqas milli jirrapporta rapport indipendenti maħruġ mill‑Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti iżda għażel biss li jiġu rrappurtati l‑osservazzjonijiet li saru dwaru mill‑Oppożizzjoni. L‑Awtorità rat li r‑rapport minnu nnifsu kellu valur ta’ aħbar u r‑rappurtaġġ ta’ kummenti u osservazzjonijiet dwaru wasslu għal nuqqas ta’ imparzjalità minħabba li r‑rapport innifsu ma kienx inkluż fil‑bulettin tal‑aħbarijiet. Fid‑dawl li l‑ilment ġie milqugħ, l‑Awtorità titlob li bħala rimedju jinqara sunt mid‑deċiżjoni fil‑bulettin tat‑8pm hekk kif ġej fl‑istess jum li tinħareġ din id‑deċiżjoni.

 F’seduta li nżammet fil‑15 ta’ Mejju, l‑Awtorità laqgħet l‑ilment tal‑Partit Laburista kontra PBS minħabba li dan naqas li jirrapporta r‑rapport maħruġ mill‑Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti. L‑Awtorità rat li r‑rappurtaġġ ta’ dan ir‑rapport indipendenti kellu valur ta’ aħbar u rat li anke minħabba l‑importanza ta’ dan ir‑rapport li jagħti ħarsa dwar il‑qagħda finanzjarja f’pajjiżna, ir‑rappurtaġġ għal dan ir‑rapport kellu jkun inkluż fil‑bulettin tal‑aħbarijiet tal‑PBS.

 

25 ta’ Mejju 2023