TVM - Aħbarijiet - 4 ta' Marzu 2023




Ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tal-4 ta’ Marzu 2023 rigward in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar it-tilwima industrijali tal‑MUMN mal-Gvern

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet tal-PBS tal-4 ta’ Marzu 2023 rigward in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal-Partit Nazzjonalista rigward it-tilwima industrijali tal-MUMN mal-Gvern dwar dak li qal il-Gvern li m’hemmx flus iktar għall‑infermiera.

L-Awtorità semgħet lil Dr Francis Zammit Dimech u lis-Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino, f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lill-Inġ. Charles Dalli, l-Editor-in-Chief tal-PBS li kien assistit minn Dr Shaun Zammit f’isem u in rappreżentanza tal-PBS Ltd f’seduta li nżammet fl-20 ta’ Marzu 2023.

Dr Michael Piccinino rrefera għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn intqal li l-Gvern m’għandux flus għall-infermiera fid-dawl li l-pajjiż kien qed jiddiskuti kif il-Gvern għadda l-miljuni lil Steward Health Care. Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech sostnew li din l-istqarrija kellha relevanza ta’ aħbar.

Min-naħa tal-PBS, l-Inġ. Charles Dalli staqsa jekk din it-tali stqarrija kinitx qed tirreferi għall-artiklu li ħareġ minn ġurnal lokali u qal li l-istazzjon ħass li din l-istqarrija ma kellhiex mertu ta’ punt ta’ aħbar. Dr Shaun Zammit li deher għall-PBS qal li t-tieni parti tal-istqarrija ma setgħetx tiġi inkluża fil-bulettin għaliex il-PBS mhuwiex magna ta’ propoganda jew xi bord ta’ avviżi ta’ attivitajiet politiċi.

L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni u ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, osservat li din l-istqarrija kienet maqsuma f’żewġ partijiet u filwaqt li minkejja l-ewwel parti hemm element ta’ diskrezzjoni editorjali, it-tieni parti kienet stedina politika. F’okkażjonijiet simili din l-istqarrija kellha tkun ċara u mifruda minn stedina politika biex ma tħalli l-ebda dubju u hekk l-editur ikun jista’ jinkludiha. L-Awtorità tirrimarka li madanakollu dejjem ikun hemm id-diskrezzjoni editorjali u li apparti jkun hemm l-element ta’ valur ta’ aħbar irid ikollha wkoll ir-relevanza tal-argument. Filwaqt li l-Awtorità tifhem li d-diskrezzjoni editorjali hija suġġettiva, l-Awtorità tieħu passi jekk kemm-il darba b’mod ripetittiv din id-diskrezzjoni editorjali tmur kontra l-interessi tal-partit. Xejn mhu stabbilit fil-liġi li kull ħaġa trid tiġi rrappurtata. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità ddeċidiet li ma tilqax dan l-ilment.

Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni l-Awtorità qed titlob li jinqara sunt ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir hekk kif ġej fil-bulettin tat-28 ta’ Marzu 2023:-

Fis-seduta ta’ smigħ li saret fl-20 ta’ Marzu, l-Awtorità tax-Xandir ma laqgħetx l-ilment tal-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn intqal li l-Gvern m’għandux flus għall-infermiera. L-Awtorità qalet li l-istazzjon għandu d-diskrezzjoni editorjali u jara jekk hemmx element ta’ valur ta’ aħbar anke għall-fatt li l-istqarrija kienet tikkonsisti wkoll fi stedina politika.

 

28 ta’ Marzu 2023