Deċiżjoni dwar ilment tal‑Partit Nazzjonalista rigward l‑aħbarijiet ta’ TVM tal‑4 ta’ Marzu 2023 rigward in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ tas‑sejħa lin‑nazzjon għall‑protesta nazzjonali
L‑Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill‑Partit Nazzjonalista kontra l‑aħbarijiet tal‑PBS tal‑4 ta’ Marzu 2023 rigward in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ tas‑sejħa lin‑nazzjon għall‑protesta nazzjonali.
F’seduta li nżammet fl‑20 ta’ Marzu 2023, għall‑Partit Nazzjonalista attendew is‑Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech u l‑Editor‑in‑Chief l‑Inġ. Charles Dalli u Dr Shaun Zammit f’isem u in rappreżentanza tal‑PBS.
Il‑Partit Nazzjonalista qal li fl‑4 ta’ Marzu, il‑PBS irrapporta l‑punti li ssemmew fil‑messaġġ lin‑nazzjon li għamel Dr Bernard Grech, iżda naqas milli jirrapporta s‑sejħa li għamel Dr Bernard Grech tal‑protesta nazzjonali. Dr Michael Piccinino qal li l‑fatt li kien ser ikun hemm protesta nazzjonali hija aħbar minnha nnifisha.
Dr Shaun Zammit qal li l‑PBS xandar il‑messaġġ tal‑Kap tal‑Oppożizzjoni u anke l‑protesta nnifisha. L‑Inġ. Charles Dalli żied li l‑aħbar li se tkun organizzata protesta nazzjonali ma kinitx l‑aħbar tal‑ġurnata u saħaq li l‑PBS ma jistax jispiċċa notice board.
L‑Awtorità qieset is‑sottomissjonijiet tal‑partijiet u rat li fid‑dawl li l‑PBS irrapporta b’mod estensiv dak li kienet qed tgħid l‑Oppożizzjoni matul dik il‑ġimgħa, in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ għas‑sejħa tal‑protesta ma kienx ġustifikat. Qalet ukoll li fil‑mument li jsir rappurtaġġ għal sejħa ta’ protesta dan iwassal għal reklamar politiku u mhux kontenut ta’ aħbar. Għaldaqstant l‑Awtorità ma laqgħetx l‑ilment tal‑Partit Nazzjonalista.
Fid‑dawl ta’ din id‑deċiżjoni, ai termini ta’ Artiklu 15 tal‑Att dwar ix‑Xandir, l‑Awtorità qed titlob li jinqara sunt hekk kif ġej fil-bulettin tad-29 ta’ Marzu:‑
Waqt seduta ta’ smigħ li saret fl‑20 ta’ Marzu, l‑Awtorità tax‑Xandir ma laqgħetx l‑ilment tal‑Partit Nazzjonalista dwar in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ tas‑sejħa lin‑nazzjon għall‑protesta nazzjonali fuq l‑aħbarijiet tal‑PBS. L‑Awtorità qalet li l‑ilment ma kienx ġustifikat minħabba li r‑rappurtaġġ tas‑sejħa għall‑protesta nazzjonali jwassal għal reklamar politiku u mhuwiex kontenut ta’ aħbar.
29 ta’ Marzu 2023