Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward in-nuqqas ta’ xandir għall-istqarrija tal-PN dwar il-Malta Eurovision Song contest fl-aħbarijiet tal-5 ta' Frar 2024
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward stqarrija tal-PN dwar il-Malta Eurovision Song contest fuq TVM News tal-5 ta’ Frar 2024.
Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.
Dr Michael Piccinino spjega li l-Eurovision ta’ din is-sena qanqal diversi reazzjonijiet mill-pubbliku. Qal li l-għada tal-Eurovision il-PN bagħat stqarrija dwar il-festival, u li dakinhar PBS naqas milli jxandar il-kontenut ta’ din l-istqarrija. Qal li minkejja li din ġiet imbagħad imxandra filgħaxija, kien hemm partijiet li tħallew barra.
Dr Michael Piccinino semma wkoll fil-5 ta’ Frar, mingħajr ma ġiet imxandra l-istqarrija tal-PN, PBS ħareġ kundanna dwar l-“attakki personali” li qal li seħħew permezz tal-istqarrija tal-PN fuq uffiċjali tiegħu.
Dr Francis Zammit Dimech żied li PBS kellu jkun iżjed attent jekk teżisti kritika fuq l-operat tal-PBS dwar xi ħaġa li tolqot il-kommunità Maltija. Qal ukoll li PBS ma għandhiex tidħol u tindaħal fil-mod ta’ kif tiġi kritikata iżda tkun iżjed b’idejha miftuħa minflok. Qal li l-PBS għandu jkollha sensittività li tħoss li sar żball kbir li jweġġa’ lill-Poplu u filwaqt li tikkummenta dwar il-kritika ma tinvertax l-ordni.
Dr Mark Vassallo qal li anke l-Eurovision qed jiġi politiċizzat sempliċiment għax tkellem il-Ministru Owen Bonnici. Semma wkoll li fiż-żmien, Dr Francis Zammit Dimech innifsu kien jagħti t-trophies. Hu qal li din id-darba d-differenza kienet li flok għotja ta’ trophies, saret intervista. Hu rrefera wkoll għal x’qal il-PN fl-istqarrija fejn mit-tielet paragrafu ‘l isfel saru akkużi li ġew rappurtati. Tenna li l-akkużi saru primarjament kontra Dr Mark Sammut u l-Inġ. Charles Dalli. Kompla li din l-istqarrija, bi kritika fuq żewġ uffiċjali, tperrċet mal-midja kollha. Dr Mark Vassallo reġa’ rrefera għall-istqarrija tal-PN u staqsa lill-Bord jikkuntrastah ma’ dak li ġab il-PBS sabiex jara l-ilment kien fattwali.
Il-Bord nnota li l-istqarrija tal-PN dwar il-Eurovision ġiet irrappurtata fil-5 ta’ Frar 2024 u għaldaqstant mhux jilqa’ l-ilment.
1 ta’ Marzu 2024
Smigħ 02/2024 Numru 6
Ref: 11/24