TVM - Aħbarijiet - 9 u 10 ta' Jannar 2023




 

Deċiżjoni dwar ilment mis-Sa Anna Maria Buhagiar rigward rappurtaġġ ta’ każ ta’ ġuri fil-Qorti li xxandar fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM tad-9 ta’ Jannar 2023 u l-aħbarijiet ta’ filgħodu tal-10 ta’ Jannar 2023

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mis-Sa Anna Maria Buhagiar datat 10 ta’ Jannar 2023 rigward rappurtaġġ fuq l-aħbarijiet ta’ TVM tad-9 ta’ Jannar 2023, liema rapport kien intitolat – “It-Tieni Ġuri – Żagħżugħ fl-iżbarra mixli bi stupru u umiljazzjonijiet sesswali”.

F’seduta li saret fl-1 ta’ Frar 2023, l-Awtorità semgħet lis-Sa Anna Maria Buhagiar u għall-PBS semgħet lill-Inġ. Charles Dalli, Editor in Chief tal-PBS u li kien akkumpanjat minn Dr Shaun Zammit.

Is-Sa Anna Maria Buhagiar spjegat li f’dan ir-rapport tal-aħbarijiet kien hemm dettalji żejda u li fl-opinjoni tagħha xi punti li ġew irrappurtati ma kinux ta’ interess pubbliku. Qalet li l-aħbarijiet huwa kkunsidrat bħala family viewing u għalhekk kien qed jikser Paragrafu 1.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar il-Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi għall-Familja minħabba li jkun hemm ukoll minuri jsegwu l-aħbarijiet, iżda minkejja dan, ir-rappurtaġġ kellu elementi adulti u żejda. Is-Sa Anna Maria Buhagiar qalet li dan it-tip ta’ rappurtaġġ iħalli effett negattiv fuq it-tfal. Il-lanjant issostni li dak li jingħad fil-Qorti m’għandux jiġi riprodott fuq ix-xandir għaliex hemm il-liġi tax-xandir li trid tiġi osservata.  Fl-aħħar nett ilmentat li dan l-ilment kiser ukoll Artiklu 13 (a) tal-Att dwar ix-xandir minħabba li r-rappurtaġġ kien joffendi s-sentimenti reliġjużi u kellu elementi kontra gosti tajbin u deċenza. Il-lanjant ilmentat li r-rappurtaġġ kellu dettalji li jmorru kontra Paragrafu 9.2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għall-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti.

Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli u Dr Shaun Zammit li qalu li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn il-każ li huwa xokkanti jew ir-rappurtaġġ huwiex xokkanti. Qalu li dan huwa ġuri li ġie trattat fil-Qrati Maltin u minnu nnifsu jagħmlu ta’ interess pubbliku. Qalu li r-rapport kien qed jittratta ġuri ta’ delitt u għalhekk kellhom jirrappurtaw l-akkużi u l-oġġetti li ntużaw għaliex dawn kienu l-arma tad-delitt. Qalu li l-pubbliku għandu d-dmir li jkun infurmat bl-andament tal-ġuri u meta ġie rrappurtat dan, l-aħbarijiet ta’ TVM ma kienx qed ixandar vjolenza. L-Inġ. Charles Dalli ċaħad li l-PBS ivvilifika xi ħaġa reliġjuża għaliex il-PBS kien biss qed jirrapporta dak li ntqal fl-awla tal-Qorti.

Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni taż-żewġ partijiet, u rat id-dokumenti u l-filmat relattiv qablet li minkejja li dan kien każ xokkanti, jibqa’ d-dritt tal-PBS li jirrapporta ġuri li jkun għaddej. Minkejja li l-PBS f’xi każijiet seta’ kien kemmxejn grafiku, fil-każ in eżami trid tintrefa’ r-responsabbiltà tal-udjenza. Madanakollu l-ilment tal-lanjant mhuwiex fondat skont id-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ilmenti u għalhekk l-Awtorità ċaħdet l-ilment.

L-Awtorità tifhem li l-PBS bħala stazzjon pubbliku għandu jkollu standards għoljin vis-a-vis stazzjonijiet privati oħra u dan anke minħabba li l-aħbarijiet fuq l-istazzjon pubbliku huma l-aktar segwiti. Fid-dawl ta’ dan tenfasizza li l-PBS kellu jinforma b’xi forma ta’ avviż lit-telespetatturi dwar ir-rappurtaġġ grafiku li kien ser isegwi. Madanakollu, l-Awtorità tosserva li wasal iż-żmien u qed jinħass il-bżonn li jkun hemm kodiċi ta’ etika għall-ġurnalisti minħabba li qed tara li r-rappurtaġġ tal-aħbarijiet qed ikun nieqes mill-etika u mill-professjonalità.

 

13 ta’ Frar 2023