TVM - Aħbarijiet - Awwissu 2022 - Wied Qirda




Deċiżjoni  rigward ilment minn Prof. Arnold Cassola fil-konfront tal-PBS minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-istqarrija dwar talba għal investigazzjoni dwar reati kontra l-ambjent f’Wied Qirda

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Prof. Arnold Cassola kontra PBS minħabba li l-kamra tal-aħbarijiet ta’ PBS naqset milli tirrapporta stqarrija li fiha Prof. Arnold Cassola talab lill-Korp tal-Pulizija jinvestiga għala ma ttiħdux passi kontra l-Inġ. Fredrick Azzopardi dwar akkużi kontrih ta’ reati kontra l-ambjent f’Wied Qirda.

 

F’seduta li nżammet fit-22 ta’ Settembru 2022 dehru Prof. Arnold Cassola u l-Editor in Chief tal-PBS, l-Inġ. Charles Dalli u l-Konsulent Legali tal-PBS, Dr Mark Vassallo.

 

Prof. Arnold Cassola rrefera għall-ilment u spjega r-rapporti li hu għamel lill-Pulizija sentejn ilu dwar l-aġir tal-Inġ. Fredrick Azzopardi, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, u li skont Prof. Cassola kien wassal biex l-Inġ. Azzopardi jittella’ l-Qorti. Prof. Cassola ilmenta li matul dan iż-żmien kien għamel diversi rapporti u li kellhom relevanza, iżda l-PBS irrapporta biss li l-Inġ. Fredrick Azzopardi kien tressaq il-Qorti u għal darb’oħra l-istqarrija tiegħu ma ġietx irrappurtata. Prof. Arnold Cassola qal li minkejja li minn April sad-data tas-smigħ kien ħareġ 42 stqarrija, il-PBS ma rrapporta xejn minnhom.

 

F’isem il-PBS, l-Inġ. Charles Dalli ta elenku ta’ minn meta dan il-każ rigward l-ambjent ta’ Wied Qirda beda jiġi rrappurtat u ma kienx minnu li l-PBS ħeba xi rappurtaġġ. L-Inġ. Charles Dalli qal li l-PBS jirrapporta l-fatti minn rapporti uffiċjali.

 

Wara li saru s-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, l-Awtorità kkunsidrat dak li ntqal u d-dokumenti relatati mal-każ. Rigward dan il-każ, l-Awtorità tħoss li l-kwistjoni tar-reati kontra Wied Qirda ġiet irrappurtata u eżawrita. Għaldaqstant l-Awtorità tiċħad l-ilment ta’ Prof.Cassola.

 

21 ta’ Ottubru 2022