TVM - Aħbarijiet - Awwissu 2022 - Iosif Galea




Deċiżjoni rigward ilment minn Prof. Arnold Cassola fil-konfront ta’ PBS Ltd dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ fil-bulettini tal-aħbarijiet ta’ TVM dwar stqarrija li tittratta l-estradizzjoni ta’ Iosif Galea fil-Ġermanja

L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Prof. Arnold Cassola kontra PBS minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ fil-bulettini tal-aħbarijiet tal-PBS ta’ stqarrija li tittratta l-estradizzjoni ta’ Iosif Galea fil-Ġermanja.

Fis-seduta tas-smigħ li nżammet fit-22 ta’ Settembru 2022, deher Prof. Arnold Cassola u għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ. Charles Dalli u l-Konsulent Legali tal-PBS Dr Mark Vassallo.

Prof. Arnold Cassola rrefera għal dan il-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ mill-Pulizija Ġermaniża u li nżamm mistur mill-Pulizija Maltija. Spjega li wara Iosif Galea ġie arrestat fl-Italja u spjega li permezz tal-kuntatti tiegħu fil-Ġermanja skopra li l-Maġistrat Taljan ta l-awtorizazzjoni ta’ estradizzjoni lil Iosif Galea fil-Ġermanja u ħareġ l-aħbar li kien ilu seba’ ġimgħat il-Ġermanja iżda l-PBS ma rrappurtax din l-aħbar minkejja li dan  kien każ ieħor ta’ relevanza nazzjonali .

Għan-nom tal-PBS l-Inġ. Charles Dalli qal li fil-każ ta’ Iosif Galea, il-PBS irrapporta s-sorsi uffiċjali dwar dan il-każ. Insista li l-PBS jirrapporta l-pożizzjoni uffiċjali tal-Pulizija u saħansitra jirrapporta dettalji uffiċjali dwar l-arresti.

L-Awtorità kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva u kkonstattat li din l-istqarrija ma ġietx irrappurtata. Kif kienet innutat f’deċiżjoni oħra fis-26 ta’ April 2021, l-Awtorità qalet li d-diskrezzjoni editorjali hija f’idejn l-istazzjon imma tifhem ukoll li f’każijiet bħal dawn il-PBS iżomm ma’ stqarrijiet u sorsi uffiċjali. Għaldaqstant l-Awtorità ma tilqax l-ilment tal-Prof. Arnold Cassola f’dan il-każ. 

 

                                                21 ta’ Ottubru 2022