Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward in-nuqqas ta’ rapurtaġġ tar-rapport tal-OSCE fil-bulettin tal-aħbarijiet
L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 21 ta’ Lulju 2022 kontra PBS minħabba li r-rapport tal-OSCE ma ġiex irrapurtat fil-bulettin tal-aħbarijiet.
Dan l-ilment ġie ppreżentat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino u għall-PBS dehru l-Konsulent Legali Dr Mark Vassallo u l-Editor-in-Chief l-Inġ Charles Dalli f’seduta li saret fit-3 ta’ Awwissu 2022.
Dr Michael Piccinino spjega li f’kampanja elettorali l-Gvern Malti jistieden osservaturi internazzjonali – l-OSCE - biex janalizzaw it-tħaddim tal-istituzzjonijiet Maltin waqt kampanja elettorali. L-OSCE tagħmel rapport fuq dak li sabet f’Malta f’dan il-perjodu ta’ elezzjoni. Qal li minkejja din l-organizazzjoni għandha ċerta importanza, l-PBS għażel li ma jirrapurtax ir-rapport tal-OSCE fil-bulettini tal-aħbarijiet. Dr Piccinino qal li media houses f’Malta rrapurtaw ir-rapport tal-OSCE iżda l-PBS għażel li ma jirrapurtax dan ir-rapport. Qal li rapport ta’ din l-għaqda internazzjonali kellu jiġu rrapurtat fuq l-istazzjon pubbliku biex kulħadd ikun infurmat bil-konklużjonijiet li ħarġu minn dan ir-rapport fosthom dwar l-operat tal-PBS vis-à-vis l-indipendenza tal-istazzjon.
Għall-PBS, l-Editor-in-Chief l-Inġ Charles Dalli rrimarka li mill-2008 il-PBS qatt ma rraporta r-rapporti tal-OSCE. Is-Sur Charles Dalli rribatta l-allegazzjoni li dan ir-rapport ma ġiex irrapurtat għaliex ikkritika lill-PBS. Qal li dan mhux minnu għaliex il-PBS irraporta r-rapport tar-rule of law li ukoll ikkritika lill-PBS. F’isem il-PBS, Dr Mark Vassallo tenna li dawn ir-rapporti tal-OSCE ma kinux jiġu rrapurtati iżda qal li l-PBS qed jikkunsidra li jibda jkun hemm prassi biex dawn ir-rapporti jiġu rrapurtati.
Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet rat li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista jiġi milqugħ. Dan anke fid-dawl ta’ dak li ntqal waqt is-seduta li l-PBS qed jikkunsidraw li jibdew jirrapurtaw ir-rapport tal-OSCE li jsir wara li delegazzjoni internazzjonali tiġi mistiedna biex tagħmel rapport dwar l-Istituzzjonijiet Maltin waqt kampanja elettorali. L-Awtorità tax-Xandir titlob li bħala rimedju jinqara sunt mid-deċiżjoni hekk kif ġej fil-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM u TVMNews+ u dan fi żmien tmienja u erbgħin (48) siegħa minn mindu tiġi ppubblikata din id-deċiżjoni :-
F’seduta li inżammet fit-3 ta’ Awwissu, l-Awtorità laqgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS minħabba li dan naqas li jirraporta r-rapport tal-OSCE. F’dan ir-rapport issir analiżi minn osservaturi internazzjonali li jkunu mistiedna mill-Gvern Malti biex janalizzaw il-ħidma ta’ Istituzzjonijiet Maltin fosthom il-PBS waqt kampanja elettorali. L-Awtorità rat li rapport bħal dan kellu jiġi rrapurtat fil-bulettini tal-aħbarijiet tal-istazzjon pubbliku.
23 ta’ Awwissu 2022