TVM - Ħadd Għalik - 10 ta' April 2011




L-Awtorità kellha quddiemha żewġ akkużi fil-konfront ta’ TVM dwar il-programmi ta’ Ħadd Għalik li xxandru fl-20 u s-27 ta’ Frar, 2011 u fl-10 t’April, 2011, fejn fl-ewwel akkuża dwar il-programmi tal-20 u s-27 ta’ Frar, 2011 ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir, ksur tal-paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, ksur ta’ paragrafu 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir u kif ukoll ksur ta’ paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Mario Micallef f’isem l-istazzjon, u lil Ms Angie Laus f’isem il-Produzzjoni.

L-Awtorità, ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni dwar parti mill-ewwel akkuża, u filwaqt li saħqet fuq ir-responsabbilità tax-xandâr li josserva l-liġi u jippreżerva livell għoli ta’ programmazzjoni, qablet li l-akkużi kienu ġew ippruvati u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati iddeċidiet li timponi l-penali amministrattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) li għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum.