Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Ħadd Għalik
li xxandar fl-24 ta’ Frar, 2019 fuq TVM
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Ħadd Għalik li xxandar fl-24 ta’ Frar, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) u 16M(3)(ċ) tal-Att Dwar ix-Xandir u Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta servizz dwar mawra li t-tim ta’ Ħadd Għalik għamel flimkien ma’ Stellina fil-mużew tal-palafitti, Lago di Garda, Chalet Trentino u Riva del Garda. Iktar tard matul il-programm, waqt ir-ringrazzjamenti, il-preżentatriċi semmiet lil "... Stellina’s Holiday by FCM illi bis-saħħa tagħha qed nagħmlu t-travelling features din id-darba bħalma qegħdin taraw għad-Dolomiti u ta’ dan nirringrazzjakom ħafna". Dan wassal għal assoċjazzjoni evidenti bejn il-kontenut editorjali fil-feature u Stellina’s Holiday by FCM. Matul l-istess programm ittellgħet logħba li fiha l-parteċipanti ntalbu jgħaqqdu puzzle skont abbozz li kien hemm fl-istudjo. Waqt il-logħba deher għal diversi drabi, u b’mod prominenti, il-logo tad-ditta DECO kif ukoll l-indirizz tal-website tal-kumpanija. Dan sar minkejja li l-istazzjon kien mgħarraf b’dan in-nuqqas permezz ta’ e-mail datata l-Ġimgħa l-1 ta’ Frar 2019. Minħabba f’hekk inħolqot prominenza mhux dovuta għall-brand inkwistjoni, u għaldaqstant seħħ ksur ta’ Artiklu 16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir. Barra minn hekk f’dan il-programm ixxandret ukoll "il-logħba tal-Enemed" li matulha ntweriet għal diversi drabi d-ditta Enemed. Matul l-istess logħba deher ukoll pop-up advert tad-ditta Enemed u għalhekk ma kienx hemm distinzjoni bejn il-kontenut u r-reklamar. Dan wassal għall-ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sinjuri Mario Micallef f’isem PBS Ltd u lis-Sinjuri P.J. Vassallo, u Angie Laus f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammett fis-17 t’April, 2019. Minn naħa tiegħu s-Sur Mario Micallef qal li l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar kienet parti mill-kontenut tal-programm u kien ingħata ringrazzjament lil Stellina’s Holiday li għamlet dan il-feature possibbli.
Is-Sur P.J Vassallo qal li meta wasal il-komunikat tal-Awtorita’ il-programm li kien recorded kien diġa għand il-PBS Ltd. u allura n-nuqqas marbut mal-wiri tal-logo DECO ma setgħax jiġi kkoreġut. Żied li fil-każ tal-Pop ups ma kienx hemm sistema fool proof kif u meta dawn jixxandru u dan peress li l-proċess kien wieħed manwali (responsabbiltà tal-Presentation Officer) u mhux awtomatiku.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi penali ridotta fl-ammont ta’ elf sebgħa mija u ħamsin Euro (€1750), liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.
Illum is-7 ta’ Mejju, 2019