L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjoni tal-programm Ħadd Għalik li xxandar fl-24 ta’ Mejju, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M (3)(ċ) tal-Att Dwar ix-Xandir meta f’dan il-programm kien hemm undue exposure għall-prodotti tad-ditta Cappy Pulpy (juices), meta waqt il-logħba kien hemm diversi istanzi fejn kien innutat iffukar fuq fliexken tal-imsemmi prodott u għalhekk kien jinħass illi l-exposure li ngħataw dawn il-fliexken tal-Cappy Pulpy fiċ-ċirkustanza jmur oltrè minn dak permessibbli mil-liġi.
L-Awtorità semgħet lil Dr Joanna Spiteri (li kienet qed tidher fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv) u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, u lis-Sinjuri P.J. Vassallo u Angie Laus għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-14 ta’ Lulju, 2015, li ikkontendew illi minn naħa tagħhom kienu dejjem ifittxu li jkunu innovattivi fil-logħob li jippreżentaw.
Is-Sur Vassallo qal li l-użu tal-fliexken kien jaqa’ fl-ambitu ta’ prop placement konsentit mil-liġi u li undue exposure kien aspett suġġettiv u jagħti lok għal interpretazzjoni peress li ma kienx definit. Żied li l-produzzjoni dejjem kienet attenta li taderixxi b’mod sħiħ mar-regoli u fil-każ in eżami kienet konvinta li qed taġixxi b’mod korrett.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed li jippruvaw li sar ksur tal-liġi indikat fl-akkuża u għalhekk qablet li ma kienx il-każ li jittieħdu passi ulterjuri dwar dan il-programm.
Illum 23 ta’ Lulju, 2015