TVM - Ħadd Għalik - 24 u 31 ta' Marzu 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-istazzjon TVM dwar l-edizzjonijiet tal-programm Ħadd Għalik li xxandru fl-24 u l-31 ta’ Marzu, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt il-kompetizzjoni sponsorjata minn Pizza by Luca ingħataw dettalji u saru kummenti li kien jidher li jmorru kontra l-provedimenti dwar product placement.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Mario Micallef u lil Ms Christine Fells f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Angie Laus għan-nom tal-produtturi, f’laqgħa li nżammet fit-23 t’April, 2013.

Minn naħa tiegħu is-Sur Mario Micallef qal li l-kunċett ta’ undue prominence rifless fil-liġi u kif ukoll fid-direttiva tal-Unjoni Ewropea kienu suġġettivi u minkejja li l-isponsor kien avżat minn qabel dwar x’seta’ u x’ma setax isir u jingħad waqt l-imsemmija rokna, sfortunatament saru kummenti li wasslu għall-problemi riflessi fl-akkuża.  Żied li meta l-istazzjon ġie notifikat bl-akkuża l-isponsor twaqqaf milli jgħaddi kwalsiasi kumment waqt l-imsemmija rokna.

L-Awtorità wara li  ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż li l-fatti marbuta mal-akkuża ma ġewx kontestati, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li avvera ruħu dan il-ksur qablet li timponi l-penali relattiva ta’ elfejn tliet mija u tletin ewro (€2,330), liema penali ġiet sospiża għal sitt xhur.

Illum 3 ta’ Mejju, 2013