TVM - Ħadd Għalik - 4 ta' Diċembru 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-istazzjon TVM dwar il-programm Ħadd Għalik li xxandar fl-4 ta’ Diċembru 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M(3)(b) u (c) tal-Att Dwar ix-Xandir u paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta kien hemm ksur tar-regolamenti dwar tqegħid ta’ prodott u ġew eċċeduti t-12-il minuta reklamar f’siegħa konċessi mil-liġi.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll ir-rappreżentant tal-istazzjon is-Sur Mario Micallef u l-producer tal-programm is-Sur PJ Vassallo.

Is-Sur Mario Micallef ammetta li waqt il-programm kien hemm reklamar eċċessiv, għalkemm tenna li dan il-ksur tal-liġi ma kienx intenzjonat.

Dwar il-parti tal-akkuża li kienet tirrigwarda l-prominenza waqt it-tqegħid ta’ prodott, l-istazzjon irrileva li l-istanzi fejn intwerew performances meqjusa reklamatorji kienu jammontaw għal ħamsa fi programm ta’ tliet sigħat u nofs u inoltre dawn ma kienux intenzjonati li jagħmlu reklami.

L-Awtorità wara li kkunsidrat l-akkuża u s-sottomissjonijiet tal-istazzjon, irrilevat li waqt il-programm kienet ingħatat prominenza qawwija għaċ-ċirklu u saret referenza eċċessiva għall-esebizzjonijiet tal-artisti. L-Awtorità qablet unanimament li bil-mod kif twassal għand it-telespettatur il-programm kien imur kontra l-provvediment tal-liġi li jirregolaw il-product placement u għalhekk iddeċidiet li kellha ssib l-istazzjon ħati li għamel użu ħażin mill-provvedimenti ta’ product placement. Peress li din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ ksur ta’ provvedimenti tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità mponiet penali relattiva fl-ammont ta’ elfejn tliet mija u tletin Ewro (€2,330) fuq l-istazzjon, liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

21 ta’ Mejju, 2012