TVM - Ħadd Għalik - 4 t’Ottubru 2009




Wieħed mill-parteċipanti f’dan il-programm kienet persuna b’diżabilità li fil-konfront tagħha, partikolarment fil-konfront tal-istatura qasira tagħha, saru diversi kummenti minn parteċipanti oħra. L-istazzjon ġie akkużat li, minħabba f’hekk, kienu nkisru l-provvedimenti dwar il-gosti tajba fl-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità, f’dan ir-rigward, ħasset li għandha tiggwida ruħha minn ‘Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar id- Diżabilità u l-Preżentazzjoni tagħha fix-Xandir’, ħtiġiet li kienu tħejjew bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Fost ħwejjeġ oħra, dawn il-Ħtiġiet jesiġu li programmi li fihom ipparteċipa persuna b’diżabilità m’għandhomx jiffokaw fuq id-diżabilità ta’ dik il-persuna u lanqas m’għandhom jippruvaw iwaqqgħuha għaċ-ċajt. F’dan il-każ partikolari, wara li evalwat il-kuntest li fihom saru l-kummenti in kwistjoni, l-Awtorità kkonkludiet li dawn kienu kummenti leġġeri u li ma kienux ta’ gravità li kien jiġġustifika li l-istazzjon għandu jinstab ħati tal-akkuża li saritlu.