TVM - Aħbarijiet - Lulju 2022 - Rule of Law




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Prof. Arnold Cassola kontra PBS minħabba nuqqas ta’ rapurtaġġ ta’ ittra li bagħat lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li żaret Malta biex tistħarreġ is-saltna tad-dritt

L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Prof. Arnold Cassola kontra PBS minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ fil-bulettini tal-aħbarijiet tal-PBS dwar ittra li bagħat lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li żaret Malta biex tistħarreġ l-iżviluppi fis-saltna ta’ dritt f’Malta.

Fis-seduta tas-smigħ li nżammet fit-22 ta’ Settembru 2022, deher Prof. Arnold Cassola u għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ. Charles Dalli u l-Konsulent Legali tal-PBS Dr Mark Vassallo.

Prof. Arnold Cassola beda s-sottomissjonijiet tiegħu billi qal li mill-15 ta’ April ‘’il quddiem kien bagħat 42 stqarrija lill-PBS li iżda ma ġewx irrappurtati. Prof. Arnold Cassola ilmenta li minkejja li l-istqarrijiet tiegħu jiġu rrappurtati fi news portals oħra, il-PBS iħoss li l-istqarrijiet li joħroġ hu, għal xi raġuni ma għandhomx valur ta’ aħbar. Qal li dan l-atteġġjament qed juri d-drawwa li peress li huwa individwu a priori, il-PBS jiddeċiedi li l-istqarrijiet tiegħu m’għandhomx jiġu rrappurtati.

Prof. Cassola qal li f’din l-ittra tiegħu lid-delegazzjoni li kienet qed tinvestiga s-saltna tad-dritt f’pajjiżna, li ħass li kellha tiġi rrappurtata, kien ta tmien eżempji ċari li jikkostitwixxu evidenza ta’ korruzzjoni mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Qal li iżda l-PBS ma rrapporta xejn dwar dan.

Għan-nom tal-PBS, l-Inġ. Charles Dalli wieġeb għal dak li qal Prof. Arnold Cassola dwar l-ammont ta’ stqarrijiet u qal li l-ammont ta’ stqarrijiet minnu nnifsu ma jfissirx li dawn iridu jiġu rrappurtati. Filwaqt li ma daħalx fil-mertu tal-istqarrijiet ta’ Prof. Cassola, qal li hemm kriterji oħra għar-rappurtaġġ fl-aħbarijiet. L-Inġ. Dalli qal li r-rapport tar-rule of law kien ġie rrappurtat fl-assjem tiegħu iżda qal li d-deċiżjoni kienet li ma tiġi rrappurtata l-ebda reazzjoni għal dan ir-rapport u għaldaqstant ma setgħetx tiġi rrappurtata din li Prof. Cassola kien qed isejħilha bħala stqarrija. L-Inġ. Charles Dalli ċċara li effettivament din kienet ittra b’sensiela ta’ mistqosijiet li għamel Prof. Cassola lill-Kap tal-Parlament Ewropew f’Malta u għalhekk lanqas ma kellha titqies bħala stqarrija għall-istampa.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet u rat ukoll id-dokumenti relattivi mal-każ. L-Awtorità tifhem li dak li kien qed jilmenta dwaru Prof. Arnold Cassola kien in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ ittra lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u li kellha sensiela ta’ mistoqsijiet fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. L-Awtorità tagħraf ukoll li l-PBS ma rrapporta l-ebda reazzjoni dwar iż-żjara tad-delegazzjoni li nvestigaw is-saltna tad-dritt. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità ma tilqax l-ilment ta’ Prof. Arnold Cassola.

20 ta’ Ottubru 2022