Ilment minn Birdlife Malta
L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq minn Birdlife Malta dwar allegat nuqqas ta’ bilanċ u parzjalità min-naħa tal-PBS speċifikament fi programmi Animal Diaries li xxandru fit-12 ta’ April u 3 ta’ Mejju 2014 u slots fil-programm TVAM li xxandru fid-29 ta’ April u 6 ta’ Mejju 2014.
L-Awtorità semgħet lis-Sur Steve Micklewight, Direttur Eżekuttiv, Ms Rebecca Pullinger u s-Sur Christopher Debono li dehru għan-nom ta’ Birdlife Malta u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd. f’seduta li nżammet fl-1 ta’ Lulju 2014.
Birdlife Malta ikkontendiet li filwaqt li kienet taċċetta li dak li xxandar waqt il-programm Animal Diaries ta’ nhar it-12 ta’ April 2014 kien jimmerita li jkun bilanċjat bil-veduti kontrastanti tal-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti, l-istazzjon ħoloq żbilanċ u kien parzjali bil-mod kif ċeda għall-pressjoni tal-FKNK u ta opportunità ta' ħin lill-FKNK, li kien aktar mill-ħin li ġie allokat lill-Birdlife Malta. Barra minn dan fil-programm TVAM li xxandar fis-6 ta’ Mejju 2014 li matulu ġew intervistati uffiċjali tal-FKNK ma kien hemm ħadd min-naħa ta' Birdlife Malta biex iwieġeb għall-akkużi li kienu qed isiru kontra l-istess Birdlife Malta. Dan kien jikkontrasta ma’ dak li ġara waqt il-programm Animal Diaries li matulu ġew esposti l-veduti ta' Birdlife Malta u meta sar is-slot dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa fil-programm TVAM, il-kaċċaturi u anke l-FKNK ingħataw l-opportuntità li jagħtu l-veduti tagħhom.
Birdlife Malta sostniet li dan ikkawża żbilanċ kontra tagħha u għalkemm ma kienet qed titlob l-ebda rimedju immedjat minħabba l-iskadenza taż-żmien, riedet tassigura li fil-futur, l-istazzjon jaġixxi b’mod aktar imparzjali u bilanċjat fir-rigward tal-kontroversja dwar il-kaċċa.
L-istazzjon, min-naħa tiegħu kkontenda li ma kienx jirriżulta li b’xi mod kien hemm xi żbilanċ kontra l-Birdlife Malta u l-istazzjon dejjem mexa b’mod ekwu billi wassal il-veduti kontrastanti fil-kontroversja dwar il-kaċċa. Dan jirriżulta wkoll mill-fatt li Birdlife Malta kienet mistiedna f’diversi programmi oħra ta’ ġrajjiet kurrenti li matulhom wasslet l-messaġġ tagħha. L-iżbilanċ kien jirriżulta kieku l-istazzjon ma ħax il-passi li fil-fatt ħa u li dwarhom qed jilmentaw il-Birdlife Malta. L-istazzjon fil-fatt formalment ġibed l-attenzjoni tal-producer u preżentatriċi tal-programm Animal Diaries dwar il-programm tat-12 ta’ April 2014 u wissiha dwar in-neċessità ta’ bilanċ meta u jekk fil-programm ikunu ser jiġu diskussi suġġetti ta’ natura kontroversjali. L-istazzjon ħa passi biex jibbilanċja dak li kien ġie mxandar fil-programm Animal Diaries tat-12 ta’ April 2014 billi jiġu mwassla lit-telespettaturi, l-veduti kollha dwar il-kwistjoni u dan permezz ta’ dokumentarju li xxandar fit-3 ta’ Mejju f’ħin anness ma’ dak tal-programm Animal Diaries u żewġ slots fil-programm TVAM, fejn wieħed kien iwassal il-veduti tal-Birdlife Malta u ieħor tal-FKNK.
F’dan ir-rigward l-istazzjon kien qed jirrespinġi kull allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ mparzjalità fil-programmi msemmija.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet u rat it-transcripts relattivi u kkonstatat li l-azzjoni meħuda mill-istazzjon biex jassigura li jkun hemm bilanċ kienet waħda f’waqtha. Il-Liġi Dwar ix-Xandir (SL 350.14 Para 12.2) tgħid ċar li bilanċ jista’ jintlaħaq fuq serje ta’ programmi u Para 12.4 ta’ l-istess Liġi jingħad li “imparzjalità ma tfissirx li għandu jkun hemm bilanċ sempliċiment b’mod matematiku”. Għalhekk l-Awtorita`, f’dan l-ilment kellha tara jekk il-veduti ta’ Birdlife Malta twasslux lit-telespettatur b’mod adekwat u effikaċi u mhux jekk xi parti jew oħra ingħatatx l-istess ammont ta’ ħin.
Fir-rigward tal-ilment li Birdlife Malta ma setgħatx tirrispondi għall-allegati akkużi li saru mill-FKNK fil-programm TVAM tas-6 ta’ Mejju 2014 dwarha, l-istess Liġi Dwar ix-Xandir (SL 350.14 Para 8.15) tipprovdi biex parti leża għandha d-dritt tar-risposta u Birdlife Malta setgħet tirrikorri għal dan ir-rimedju jew kull rimedju ieħor li tagħtiha l-liġi biex tipproteġi l-interessi tagħha.
Meta qieset dan kollu, l-Awtorità sabet li l-ilment magħmul minn Birdlife Malta ma kienx jissustisti u għalhekk ma kien hemm l-ebda ħtieġa għall-azzjoni ulterjuri min-naħa tagħha.
Illum 2 ta’ Lulju 2014