TVM - Animal Diaries - 13 ta’ Frar, 2016




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Animal Diaries li xxandar fit-13 ta’ Frar, 2016 fuq TVM, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M(2)(b) ksur ta’ Artiklu 16K(a) u ksur ta’ Artiklu 16M(3)(c) tal-Att dwar ix-Xandir meta matul dan il-programm, waqt li l-preżentatriċi kienet qed titkellem mal-mistednin tagħha fl-istudio, kien hemm numru ta’ istanzi li fihom dehru l-prodotti tad-ditta Royal Canin mqiegħda maġenb saqajn il-preżentatriċi. Il-prodotti eventwalment ingħataw bħala rigal lil dawk it-telespettaturi li pparteċipaw fil-programm. Dan kien akkumpanjat minn iffukar fuq il-prodotti imsemmija. Waqt dan il-programm kien innutat ukoll li s-sett kien jinkludi fih prodotti tar-Royal Canin u saħansitra f’punt minnhom kien hemm iffukar fuq l-ixkaffa li fuqha kienu skjerati dawn il-prodotti. Sabiex ikompli jsir aċċenn fuq il-prodotti tad-ditta Royal Canin, matul il-programm dehru wkoll pop-up adverts tad-ditta Royal Canin illi kien wieħed mill-isponsors tal-programm u f’waħda mill-waqfiet għar-reklami kien inkluż ukoll reklam għall-prodotti tal-imsemmija ditta. Kien allegat li l-pop-up adverts u r-reklam ta’ Royal Canin jagħtu indikazzjoni ta’ rabta kummerċjali li tmur ‘il hinn mill-“forniment ta’ ċerti prodotti jew servizzi mingħajr ħlas” hekk kif stipulata fil-Liġi.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Moira Delia produttriċi tal-programm, f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2016.

Minn naħa tagħha Ms Delia filwaqt li ammettiet l-akkuża saħqet li dan kien żball minn naħa tal-produzzjoni fejn dak li kellu jkun rikonoxximent lill-parteċipanti irriżulta fi ksur tal-liġi. Żiedet li l-produzzjoni dejjem toqgħod attenta li tosserva r-regolamenti dwar reklamar u permezz tal-programm isir ħafna ġid ma’ diversi Santwarji.

Ms Delia ssuġeriet li l-Awtorità kellha torganizza refresher training għall-produtturi u operaturi fl-industrija dwar il-liġi viġenti u r-regolamenti tar-reklamar u dan bil-għan li jkun hemm għarfien akbar u aktar aġġornat tal-istess.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, minħabba t-trapass taż-żmien u l-fatt li din kienet l-ewwel okkażjoni għall-Bord il-ġdid li jisma’ u jikkonsidra ilmenti, iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.

F’dan il-każ ukoll l-Awtorità saħqet li kienet ser tkun aktar viġilanti biex il-Liġi u r-regolamenti dwar reklamar u teleshopping ikunu osservati bl-aktar mod ampju u b’aktar impenn mill-istazzjonijiet.

Illum 7 ta’ Settembru, 2016