TVM - Animal Diaries - 22 ta' April 2023




Deċiżjoni rigward ilment mis‑Sur Malcolm Borg kontra l‑PBS rigward il‑programm Animal Diaries li xxandar fit‑22 ta’ April 2023

 

L‑Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mis‑Sur Malcolm Borg rigward kummenti li ntqalu mis‑Sinjura Alison Bezzina, il‑Kummissarju għall‑Ħarsien Xieraq tal‑Annimali, matul il‑programm Animal Diaries li xxandar fuq TVM fit‑22 ta’ April 2023. Is‑Sinjura Bezzina kienet qed twieġeb għall‑kumment ta’ telespettatriċi li tkellmet dwar it‑tifla tagħha li ma tridx tiekol laħam.

Preżenti għas‑seduta li nżammet fil‑15 ta’ Ġunju 2023 dehru l‑lanjant is‑Sur Malcolm Borg akkumpanjat minn Dr Mary Rose Micallef u Dr John Gauci li attenda s‑seduta ta’ smigħ fl‑aħħar parti tas‑sottomissjonijiet. Għall‑PBS kien hemm preżenti Dr Shaun Zammit f’isem u in rappreżentanza tal‑PBS u l‑Editor in Chief l‑Inġ. Charles Dalli.

Fil‑bidu tas‑smigħ, is‑Sur Malcolm Borg spjega li hu jmexxi ċ‑Ċentru tal‑Agrikoltura tal‑MCAST, imexxi l‑Għaqda Bdiewa Attivi u jmexxi l‑Kunsill Konsultattiv għall‑Ministeru tal‑Agrikoltura. Is‑Sur Malcolm Borg qal li mexxa dan l‑ilment kontra l‑PBS minħabba xi kummenti li għaddiet il‑Kummissarju għall-Ħarsien Xieraq tal‑Annimali, is‑Sinjura Alison Bezzina, meta f’rokna waqt li l‑preżentatriċi rċeviet mistoqsija mingħand omm inkwetata għax it‑tifla ma tridx tiekol laħam u l‑preżentatriċi talbet lill‑Kummissarju biex tikkummenta. Is‑Sur Borg ikkwota minn dak li qalet is‑Sinjura Alison Bezzina u qal li għamlet numru ta’ stqarrijiet nutrizzjonali li fl‑opinjoni tiegħu huma perikolużi minħabba li huma skoretti, pereżempju qalet li biex tkun b’saħħtek trid tieħu l‑laħam.  Is‑Sur Borg qal li l‑kummenti tas‑Sinjura Alison Bezzina wasslu biex timbotta l‑aġenda personali tagħha li wieħed m’għandux jiekol prodotti tal‑annimali. Qal ukoll li fl‑aħħar parti tal‑kummenti tagħha, is‑Sinjura Alison Bezzina għaddiet kumment li ma kienx f’loku minħabba li l‑implikazzjonijiet tiegħu li jekk it‑tfal ikunu jħobbu l‑annimali imma jieklu l‑annimali, ikunu ipokriti. Is‑Sur Malcolm Borg semma li kien hemm potenzjal impatt sostanzjali fuq min għandu negozju tal‑laħam, min għandu ristorant u impatt fuq l‑importaturi tal‑laħam u r‑raħħala minħabba dawn il‑kummenti.

Ir‑rappreżentanta legali tas‑Sur Borg, Dr Mary Rose Micallef qalet li waqt din l‑intervista saret propoganda biex ma jittikilx laħam. Qalet li l‑użu tal‑kliem “ipokrita” mill‑Kummissarju għall‑Ħarsien Xieraq tal‑Annimali ma kienx f’loku aktar u aktar fi programm li huwa intenzjonat li jeduka. Qalet li l‑kummenti li ntqalu fl‑intervista kienu żbilanċjati b’dannu għas‑settur tar‑raħħala, produtturi tal‑annimali, bejjiegħa tal‑laħam fost l‑oħrajn.

Għall‑PBS, l‑Editor in Chief, l‑Inġ. Charles Dalli qal li dan l‑ilment jittratta programm tematiku dwar l‑annimali u mhuwiex programm la fuq l‑ikel u lanqas fuq is‑saħħa. Spjega li l‑Kummissarju għall-Ħarsien Xieraq tal‑Annimali, is‑Sinjura Alison Bezzina hija mistiedna residenti f’kull programm u qal li l‑kummenti tagħha saru fil‑kapaċità tagħha. L‑Inġ. Charles Dalli qal li hemm programmi tematiċi oħra fuq dieti, tisjir u ikel ieħor li lkoll jittrattaw din it‑tema mingħajr ma jkun hemm dibattiti ta’ dan it‑tip. L‑Inġ. Dalli qal li s‑Sinjura Alison Bezzina m’għamlet l‑ebda propoganda biex ma jittikilx laħam u mkien ma għaddiet dan il‑messaġġ, iżda kienet biss qed twieġeb għall‑mistoqsija li kellha quddiemha.

F’isem il‑PBS, l‑Avukat Shaun Zammit irrefera għall‑istudji li ppreżenta s‑Sur Malcolm Borg u qal li fil‑fatt hemm studju li qed juri bil‑kontra ta’ dawn l‑istudji. Dr Zammit qal li l‑mertu ta’ dan l‑ilment għandu jiġi deċiż fil‑kuntest li l‑programm Animal Diaries huwa programm favur l‑annimali u allura jekk kellux ikun hemm forma ta’ bilanċ f’dan it‑tip ta’ programm li jittratta l‑ħarsien xieraq tal‑annimali.

L‑Awtorità rat is‑sottomissjonijiet li ġew ippreżentati u l‑filmat relatat u kkonstatat li minkejja li l‑programm huwa tematiku, il‑fatti għandhom ikunu korretti u l‑opinjonijiet m’għandhomx jiġu ppreżentati bħala fatti. L‑Awtorità tħoss li f’din l‑intervista ntqalu xi kummenti min‑naħa tal‑Kummissarju għall‑Ħarsien Xieraq tal‑Annimali li setgħu jinħassu li ma kinux f’lokhom.  Għaldaqstant l‑Awtorità laqgħet l‑ilment u qed tidderieġi li tinqara forma ta’ kjarifika matul l‑istess programm Animal Diaries fil‑programm tas‑Sibt 1 ta’ Lulju 2023. Din il‑kjarifika għandha tkun parti mill‑programm u għalhekk għandha tixxandar ġol‑programm.

 

Il‑kjarifika għandha tinqara kif ġej:‑

 

Fil‑programm tat‑22 ta’ April 2023, il‑Kummissarju għall‑Ħarsien Xieraq tal‑Annimali, is‑Sinjura Alison Bezzina kienet qed tikkummenta dwar osservazzjoni ta’ telespettatriċi dwar il‑konsum tal‑laħam mit‑tifla tagħha. Il‑Kummissarju f’din l‑intervista għaddiet kummenti li setgħu ma kinux f’lokhom minħabba li taw wieħed x’jifhem li l‑kummenti u l‑opinjoni tal‑Kummissarju kienu fatti. Dak li ingħad mill‑Kummissarju għall‑Ħarsien Xieraq tal‑Annimali, is‑Sinjura Bezzina f’dan il‑programm meta qalet li “ma tistax tkun tħobb l‑annimali kollha imma mbagħad fl‑istess ħin tikolhom” seta’ jinħass bħala kontroversjali. Xi kummenti oħra setgħu kienu ta’ offiża lil xi telespettaturi fosthom meta qalet lil din l‑omm li “rabbiet tifla bi prinċipji sodi, u taf tirraġuna,..u mhix ipokrita”. Fl‑istess intervista saret referenza wkoll dwar in‑nutrizzjoni fid‑dieta fir‑rigward tal‑konsum tal‑laħam u l‑Kummissarju rreferiet biss għall‑parti minn dawn l‑istudji xjentifiċi. Filwaqt li hemm studji xjentifiċi li jitkellmu favur dieta mingħajr laħam daqstant ieħor hemm studji li jitkellmu dwar il‑bżonn tal‑laħam fid‑dieta tagħna u għaldaqstant l‑Awtorità tħoss li dan ukoll kellu jingħad biex fi programm informattiv tkun qed tingħata informazzjoni sħiħa. L‑Awtorità tifhem li filwaqt li dan huwa programm tematiku li jittratta primarjament il‑ħarsien tal‑annimali, l‑informazzjoni kollha li tingħata għandha tkun sħiħa u wieħed ma jistax jippreżenta opinjoni bħala fatt.

 

23 ta’ Ġunju 2023