Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward l-edizzjonijiet tal-programm
Benjamin li xxandru fl-1 u t-8 ta’ Novembru, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. dwar l-edizzjonijiet tal-programm Benjamin li xxandru fl-1 u t-8 ta’ Novembru, 2017 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16 M(3)(b) u (c) tal-Att dwar ix-Xandir, meta fil-programm tal-1 ta’ Novembru kien hemm żewġ każijiet fejn seħħet prominenza mhux dovuta tad-ditta Vileda. Minbarra hekk, waqt il-programm issemmew karatteristiċi pożittivi tal-prodott filwaqt li kien qed jidher viżwalment dan il-prodott bid-ditta ċara tal-Vileda. Barra minn hekk, waqt li deher dan il-prodott ittella’ wkoll reklam pop-up tal-istess prodott u ditta. Waqt li deher dan il-prodott, Benjamin u l-mara tiegħu għamlu referenza u ddeskrivew kif jaħdem dan il-prodott b’mod li semmew il-karatteristiċi pożittivi tal-prodott. Fil-programm tat-8 ta’ Novembru kien hemm każ fejn seħħet prominenza mhux dovuta għall-istabbiliment Brass&Knuckle meta Ben daħal fl-istabbiliment u ngħata l-assistenza b’tali mod li, minbarra l-ispjegazzjoni li tindika s-servizz li jingħata f’dan l-istabbiliment, saru wkoll rimarki fuq il-prodotti mibjugħa minn Brass&Knuckle. Dan kollu wassal għal promozzjoni mhux dovuta. Barra minn hekk, skond l-akkuża f’din il-parti ngħataw dettalji dwar il-karatteristiċi tal-prodott li kien qed jiġi ppreżentat.
F’każ ieħor fl-istess programm kien allegat ksur ta’ Artiklu 16M(3)(b) u (c) minħabba prominenza mhux dovuta u dettalji dwar karatteristiċi tal-prodott Lotus Grill, partikolarment dwar il-possibilta’ li b’dan il-prodott it-tisjir (BBQ) seta’ jsir ġewwa.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat minn Steven Dalli u Justin Farrugia għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-24 ta’ Jannar, 2018.
Minn naħa tagħhom is-Sinjuri Dalli u Farrugia qalu li fir-rigward ta’ l-istabbiliment Brass&Knuckle dan ma kienx sponsor tal-programm u ma kien hemm l-ebda introjtu għall-produzzjoni. Żiedu li fir-rigward tal-prodott Lotus Grill, filwaqt Ii ammettew li dan kien issemma għal mument qasir ma kienet ingħatat l-ebda indikazzjoni minfejn kien jinxtara. In oltre l-produtturi filwaqt li talbu klemenza, irrilevaw il-fatt li ma kienux konxji jew ma kienux infurmati biżżejjed dwar ċerti regoli.
F’dan l-istadju saret diskussjoni dwar ir-responsabbilta’ tal-istazzjon u kif dan ma setax jabdika minnha fl-ebda ħin. Il-membri rrilevaw illi wara l-ewwel nuqqas l-istazzjon kellu jirrimedja u jieħu azzjoni mill-ewwel sabiex ma jkunx hemm ripetizzjoni fil-programm ta’ wara.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u rrilevat illi l-fatt li ma kienx hemm ħlas għal sponsorship (Brass&Knuckle) ma kienx jimmitiga l-każ, bl-istess mod il-fatt li ma ngħatawx dettalji minfejn jinxtara prodott (Lotus Grill) ma’ kienx sinjifikanti għall-akkuża. In vista ta’ dan l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għalhekk kellha timponi l-penali relattiva ta’ €1750, liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 13 ta’ Frar, 2018