TVM - Bondi+ - 10 ta' Jannar 2012




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista rigward l-edizzjoni tal-programm Bondi+ li xxandret fuq TVM, fl-10 ta’ Jannar, 2012

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-edizzjoni tal-programm Bondi+ li xxandar fuq TVM fl-10 ta’ Jannar 2012, bil-parteċipazzjoni fl-istudjo tal-Onorevoli Dr Franco Debono.  Fl-ilment tiegħu il-Partit Nazzjonalista talab lill-Awtorità tagħtih rimedju għall-kritika li l-Onorevoli Debono għamel fil-konfront tal-Prim Ministru, membri tal-Kabinett u tal-istess Partit.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Avukat Karol Aquilina u l-Avukat Frank Psaila, Direttur tal-Informazzjoni, li kienu qed jidhru għan-nom u fl-interess tal-Partit Nazzjonalista u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech, Editur tal-PBS, assistit mill-Avukat Therese Comodini Cachia li kienu qed jidhru għan-nom u fl-interess tal-istazzjon, f’seduta li nżammet it-Tlieta, 17 ta’ Jannar, 2012.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-Partit Nazzjonalista kkontenda li fl-interventi estensivi tiegħu l-Onorevoli Debono għal diversi drabi għamel referenza għall-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tiegħu u indirizza l-kritika tiegħu lejn il-Prim Ministru, lejn il-Kabinett u kif ukoll lejn l-istess Partit, u dan meta fl-ebda ħin waqt il-programm ma ngħatat l-opportunità sabiex il-Partit jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kummenti tal-Onorevoli Debono.

Min-naħa l-oħra, l-istazzjon irribatta billi qal li peress li l-Partit Nazzjonalista fl-ilment tiegħu naqas milli jispeċifika liema siltiet mill-intervent tal-Onorevoli Debono kien qed jirritieni li kienu kritika kontra tiegħu, ma kienx iħoss li seta’ jagħti rimedju kif mitlub.  L-istazzjon saħaq li jekk waqt il-programm kien hemm min ġie kkritikat, dan seta’ jitlob dritt ta’ risposta, li l-istazzjon, ai termini tal-liġi kien ikun dispost li jikkonsidra u jikkonċedi skont il-każ.  Madankollu sa dak il-ħin, l-ebda talba, f’dan is-sens, ma kienet saret.

L-Awtorità kkonsidrat dan l-ilment ai termini ta’ Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet:

(i) illi waqt il-programm in kwistjoni, l-Partit Nazzjonalista ma kienx ingħata l-opportunità li jwassal l-veduti tiegħu dwar il-partijiet fejn l-Onorevoli Franco Debono għamel kritika fil-konfront tal-istess Partit.

(ii) illi l-Awtorità għaldaqstant, kienet qed tilqa’ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista limitatament għal dawk il-partijiet fejn saret kritika lill-istess Partit, u ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir tordna lill-istazzjon li fl-edizzjoni li jmiss tal-programm Bondi+ tal-Ħamis 19 ta’ Jannar, 2012 dan jalloka l-ewwel għaxar (10) minuti tal-programm sabiex il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ rappreżentant tiegħu fl-istudjo, jagħti l-veduti tiegħu dwar il-kritika magħmula mill-Onorevoli Franco Debono.

18 ta’ Jannar, 2012