Il-Partit Laburista ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir dwar l-edizzjoni tal-programm Bondi+ li xxandret fuq TVM fl-10 ta’ Jannar 2013. Fil-programm ħadu sehem il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Dr Toni Abela.
L-ilment tal-Partit Laburista kien jinkludi diversi elementi fosthom:
- Allegazzjoni ta’ attitudni skorretta mill-preżentatur fil-konfront ta’ mistiedna mill-Partit Laburista.
- Interuzzjonijiet u kwazi tentattivi biex il-mistoqsija titwieġeb kif irid il-prezentatur.
- Il-mistoqsijiet isiru b’mod ostili u evidentement partiġġjan.
- Allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalità fit-trattament waqt il-mistoqsijiet tar-rappreżentant tal-Partit Laburista meta mqabbel ma’ dak tar-rapprezentant tal-Partit Nazzjonalista.
- Ksur tar-regolamenti tax-xandir permezz tal-aġir tal-preżentatur li fuq stazzjon nazzjonali, tali aġir ma kienx aċċettabbli.
Il-Partit Laburista fl-ilment tiegħu talab lill-Awtorità tagħti kull provvediment u direzzjoni opportun biex dan l-aġir jieqaf.
L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni. Dan l-ilment beda jinstama’ waqt seduta tal-Awtorità li saret it-Tlieta, 15 ta’ Jannar 2013 u tkompliet nhar il-Ħamis 17 ta’ Jannar 2013.
Preżenti, għall-Partit Laburista, kienu Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi, l-Avukat Toni Abela assistiti mill-Avukat Aaron Mifsud Bonnici waqt li għal TVM kienu preżenti Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services Ltd. assistit mill-Avukat Mark Vassallo fl-ewwel sessjoni tas-smigħ u fit-tieni sessjoni tas-smiegħ l-istazzjon kien ukoll rappreżentat mis-Sur Lou Bondi – preżentatur tal-programm.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu Dr Zrinzo Azzopardi għan-nom tal-Partit Laburista lmenta li l-mistieden fil-programm in kwistjoni kien ttrattat differenti u ċerti standards li kellhom jinżammu speċjalment waqt kampanja elettorali ma kienux inżammu waqt il-programm in kwistjoni.
Huwa sostna li l-clips użati fil-programm kienu magħzula u wżati b’mod biex jgħinu lill-parteċipant li kien qed jirrapreżenta lill-Partit Nazzjonalista mentri r-rappreżentant tal-Partit Laburista sofra ħafna interruzzjonijiet u argumenti b’atteġġjament pjuttost aggressiv tal-preżentatur.
Dr Zrinzo Azzopardi elenka l-clips użati fil-programm u spjega li fil-fehma tal-Partit Laburista dawn kienu juru naħa waħda biss, anzi clip minnhom kien użat biex jintuża bħala cue għall-parteċipant tal-Partit Nazzjonalista minħabba rimarka dwar il-qagħda finanzjarja li kienet għamlet il-Kanċillier tal-Germanja, s-sinjura Angela Merkel. Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li ma ntwera’ l-ebda clip b’kummenti favur il-proposta tal-Partit Laburista waqt il-programm u dan minnu nnifsu ħoloq żbilanc.
Fix-xhieda tiegħu Dr Toni Abela qal li l-preżentatur kien poġġih f’dawl imbarazzanti meta żvela l-kontenut ta’ telefonati li bihom ried jagħti x’wieħed jifhem li hu (Dr Abela) għamel xi pressjoni fuq il-preżentatur dwar x’kellu jkun il-kontenut tal-programm, ħaġa li Dr Abela innega.
Dr Abela ħass li waqt li hu kien taħt skrutinju kontinwu waqt il-programm ir-rappreżentant tal-Nazzjonalista ma kienx.
Minħabba l-kontenut tax-xhieda ta’ Dr Abela, Dr Mark Vassallo għan-nom tal-PBS talab sabiex tkun tista' tinstemgħa x-xhieda tas-Sur Lou Bondi.
L-Awtorità aċċettat din it-talba u għamlet differiment tas-smigħ għall-Ħamis 17 ta’ Jannar 2013 biex jingħata l-opportunita jixhed is-Sur Lou Bondi peress li dan ma setgħax jattendi l-ewwel sessjoni minħabba li kien impenjat fuq il-produzzjoni tal-programm li kellu jixxandar dak in-nhar stess.
Meta tkompla s-smigħ, l-istazzjon ġie mistoqsi jekk iħossx in-neċessità li Dr Abela jirrepeti x-xhieda tiegħu biex ikun jista jwieġeb is-Sur Bondi. L-istazzjon, permess tal-avukat tiegħu Dr Mark Vassallo qal li ma jarax din il-ħtieġa u għalhekk talab lill-Awtorità sabiex tisma’ s-sottomissjonijiet tas-Sur Bondi.
Is-sur Bondi beda biex eċepixxa affidavit bid-data taż-17 ta’ Jannar 2013 li fih, fost affarijiet oħra, ikkonferma li qabel il-programm kien qal lil Dr Toni Abela li l-edizzjoni kienet ser tikkonċentra primarjament fuq il-proposta tal-Partit Laburista dwar it-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fl-affidavit tiegħu is-Sur Bondi qal li dan kien għamlu waqt żewġ telefonati li Dr Abela kien għamel lilu u li fihom Dr Abela pprova jipperswadih biex jiddiskutu materji oħra u mhux din il-proposta biss. Speċifikament, skont is-Sur Bondi, Dr Abela kien semma’ li kellhom jiffokaw ukoll fuq il-logos u s-slogans tal-partiti. L-affidavit jgħid ukoll li s-Sur Bondi ma kellu l-ebda komunikazzjoni ma’ xi ġurnalist jew editor tal-gażżetta n-Nazzjon Tagħna dwar din il-materja u dan bħala tweġiba għax-xhieda ta’ Dr Abela li kien wkoll ippreżenta artiklu li deher fil-ħarġa tan-Nazzjon dwar dak li seħħ fil-programm Bondi+.
Is-Sur Bondi sostna li sa’ mill-bidunett tal-programm, Dr Abela ried jinfluwenza d-diskussjoni billi flok jirrispondi għal-mistoqsijiet li kienu qed isirulu, baqa jinsisti fuq mistoqsijiet li dehrlu li hu (s-Sur Bondi) kellu jagħmel lill-parti l-oħra.
L-Avukat Vassallo an nom tas-Sur Bondi talab lill-Awtorità biex tieħu konjizzjoni ta’ numru ta’ clips meħuda minn edizzjonijiet oħra ta’ Bondi+ li juru l-atteġġjament tal-preżentatur waqt diversi edizzjonijiet tal-programm tiegħu ma’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista u dan sabiex jipprova li l-istil li huwa uża waqt il-programm in kwistjoni ma kienx differenti minn dak li huwa kien uża f’edizzjonijiet oħra ma’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista u dan biex jirribatti l-allegazzjoni fl-ilment li huwa kien uża trattament inġust ma’ Dr Abela fil-programm in kwistjoni.
L-istazzjon issottometta wkoll clips ta’ programmi li li jixxandru fuq stazzjonijiet barranin fejn il-preżentatur jinsisti fuq risposti għad-domandi li jkun għamel u li għalhekk din ma kienetx xi ħaġa li kien juża hu biss fil-konfront tal-parteċipanti mill-Partit Laburista.
L-Avukat Zrinzo Azzopardi rrimarka li l-clips sottomessi kienu juru istanzi ta’ intervisti one-to-one u mhux dibattiti bħal ma kien il-każ tal-ilment u fi kwalunkwe kaz ma jirriflettux dak li fil-fatt ġara fil-programm li fuqu qed isir l-ilment. Huma kienu qed jirritjenu li r-rappreżentant tal-Partit Laburista kien mogħti trattament inġust u differenti minn dak li ingħata lir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista u dan bi ksur tal-provvedimenti tal-Liġi tax-Xandir dwar bilanċ u trattament ġust.
L-Avukat Mark Vassallo sostna li l-istazzjon ġab provi biżżejjed inkluż affidavit li juru li ma kien hemm l-ebda intenzjoni ta’ trattament inġust u ma jirriżultax li dak li xxandar fil-fatt segħta b’xi mod jiġi meqjus bħala ksur tal-Liġi Dwar ix-Xandir u għalhekk fil-fehma tal-istazzjon l-ilment imressaq mill-Partit Laburista ma kellux jiġi milqugħ.
Wara li semgħet il-partijiet konċernati, wara li rat il-filmat tal-programm in kwistjoni, l-Awtorità waslet għall-konklużjonijiet segwenti:
L- Awtorità ddeċidiet li l-ilment imressaq mill-PL f’dak li jirrigwardja attitudni skorretta u n-nuqqas ta’ imparzjalità mill-preżentatur fil-konfront ta’ rappreżentant tal-Partit Laburista jiġi milqugħ.
L-Awtorità timmotiva l-konklużjoni tagħha billi ssostni li l-preżentatur irid iġorr ir-responsabbiltà ta’ kif jiġi kondott il-programm u għandu jara li ma jidħolx f’battibekki mal-mistieden tiegħu. Il-preżentatur daħal f’dawn il-battibekk u għalhekk tirriżulta l-attitudni skorretta mill-preżentatur.
Dwar il-kwistjoni tal- imparzjalità l-Awtorita’ nnutat li l-clips kollha kienu f’direzzjoni waħda jiġifieri li tpoġġi f’pożizzjoni diffiċli id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u li juru parti biss mill-istampa kollha tas-suġġett li kien qed jigi diskuss. Artiklu 12 (5) tal-Liġi Sussidjarja 350.14 jitkellem ċar li l-użu ta’ materjal awdjoviżiv inklużi clips u features, f’dawn it-tip ta’ programmi għandu jirrifletti b’mod bilancjat l-fehmiet tal-partijiet kollha konċernati.
L-Awtorità tinnota li, kif ingħad aktar 'l fuq li r-responsabbiltà aħħarija għall-mod kif jitmexxa l-programm, hija dejjem tal-prezentatur, madankolu tisħaq li l-parteċipanti fi programmi ta’ diskussjoni huma parteċipi fir-rwol ta’ mistiedna u għalhekk il-parteċipazzjoni tagħhom flimkien, ma’ dik tal-preżentatur, għandha tkun tali li tiffaċilita d-diskussjoni u tħalli lit-telespettatur jifhem u jsegwi l-argumenti li jkunu qed jiġu diskussi, ħaġa li jidher li f’dan il-programm ma’ saritx.
L-Awtorità qed tordna lill-TVM, permezz ta’ direttiva maħruġa taħt Artiklu 15 tal-Att Dwar ix- Xandir, sabiex taqra sintesi ta’ din id-deċiżjoni, kif mħejjija mill-istess Awtorità fl-Aħbarijiet tat-8pm ta’ TVM fi żmien 7 ijiem mid-data ta’ din id-deċizzjoni.
22 ta’ Jannar 2013