TVM – Bondi+ – 15 ta’ Novembru 2010




Lment tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir, dwar l-edizzjoni speċjali tal-programm Bond+ tal-15 ta’ Novembru, 2010 li tratta d-diskors li kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni b’reazzjoni għall-budget imħabbar mill-Gvern u kalkoli tal-miżuri mħabbra mill-istess Kap tal-Oppożizzjoni, fejn ġie allegat li kien hemm żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista, u dan peress li fl-istess programm l-Onorevoli Charles Mangion kien l-uniku parteċipant fl-istudjo.

Fl-ilment tiegħu il-Partit Nazzjonalista ikkontenda li l-parteċipazzjoni tal-Onorevoli Charles Mangion fl-imsemmi programm li tratta tema ta’ policy pubblika kurrenti, kienet tirrikjedi l-bilanċ ai termini tal-liġi, kif sottolinejat mill-istess Awtorita’ f’deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu, 2010, fejn l-Awtorità kienet sabet kontra l-istazzjon meta l-Onor. Viċi Prim Ministru Tonio Borg kien l-uniku mistieden f’edizzjoni oħra tal-programm.

L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni. Dan l-ilment beda jinstema f’seduta li nżammet fit-12 t’April, 2011 u kien konkluż fis-seduta tas-26 t’April, 2011.

L-Awtorità semgħet lil Dr Natalino Fenech assistit minn Dr Therese Comodini Cachia f’isem l-istazzjon, is-Sur Lou Bondi għall-Produtturi, u kif ukoll lil Dr Frank Psaila li kien assistit minn Dr Carol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet konċernati, l-Awtorità waslet għall-konklużjonijiet segwenti:

  1. Illi l-fatt li l-Awtorita’ kienet sabet kontra l-istazzjon meta trattat akkuża preċedenti dwar edizzjoni oħra tal-imsemmi programm ma kienx ifisser li din kellha tiddeċiedi bl-istess mod fil-każ odjern u dan peress li ċ-ċirkostanzi taż-żewġ episodji kienu differenti.
  2. Illi l-programm in kwistjoni kien kontinwazzjoni tal-programm li kien ixxandar fl-1 ta’ Novembru, 2010 u fil-fatt il-preżenza tal-Onorevoli Charles Mangion kienet imprevista peress li sal-aħħar mument qabel il-programm il-Partit Laburista ma kienx ikkonferma din il-parteċipazzjoni.
  3. Illi l-fatt li l-Onorevoli Charles Mangion kien l-uniku parteċipant fil-programm ma kienx awtomatikament jirrendi l-programm żbilanċjat. F’dan ir-rigward l-Awtorita’ issolevat illi l-bilanċ fi programm ma’ kienx unikament ottenut u dipendenti fuq il-preżenza numerika tal-parteċipanti, iżda kellu jittieħed in konsiderazzjoni il-kontenut u l-mod kif jiżvolġi l-istess programm. Fil-fatt l-Awtorita’ nnutat illi l-programm kien jinkludi intervista irrekordjata mal-Ministru Tonio Fenech u qieset li l-preżenza tal-Onorevoli Charles Mangion għenet sabiex il-programm in eżami ikun bilanċjat.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, u s-sottomissjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, l-Awtorità qablet li f’dan il-każ, l-ilment dwar żbilanċ rilevat ma’ ġiex suffiċjentement ippruvat u għalhekk iddeċidiet li l-ilment ma’ kienx ġustifikat.