TVM – Bondi+ – 20 ta’ Diċembru 2010




Lment tal-Partit Laburista

F’seduta li saret fit-12 t’April 2011, l-Awtorità tax-Xandir bdiet tisma’ ilment imressaq mill-Partit Laburista quddiem l-istess l-Awtorità tax-Xandir dwar l-edizzjoni tal-programm Bondi+ li xxandret fuq TVM fl-20 ta’ Diċembru, 2010. Is-suġġett tal-programm kien iż-żieda fl-onorarja għall-Prim Ministru, Ministri, Segretarji Parlamentari u l-Membri Parlamentari, fejn ġie allegat li kien hemm żbilanċ fil-konfront tal-Partit Laburista, u dan peress li informazzjoni u intervisti imxandra waqt l-istess programm kienu skorretti u inveritieri.

L-ilment tal-Partit Laburista kien jiffoka fuq tliet elementi prinċipali fil-programm:

  • il-feature li fih ġiet ippreżentata f’forma ta’ tabella l-informazzjoni dwar min, mill-membri parlamentari, kien wieġeb għall-mistoqsijet ta’ Bond+, u x’kienu r-risposti ta’ dawk li wieġbu.
  • l-intervista mal-Onorevoli David Agius, li semma’ b’isimhom disa’ deputati Laburisti u qal li dawn kienu tkellmu miegħu dwar iż-żieda fl-onorarja, meta l-ebda wieħed minn dawn id-deputati ma ntalab jagħti reazzjoni waqt l-istess programm.
  • l-intervista ma’ Damien Cassar ġuvni ta’ 17-il sena li qal li kien sema’ lill-Onorevoli Owen Bonniċi jitkellem dwar żieda fl-onorarja, meta f’dan il-każ ukoll ir-reazzjoni tal-Onorevoli Bonniċi ma ntalbitx.

L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni.

L-Awtorità semgħet lil Dr Natalino Fenech assistit minn Dr Therese Comodini Cachia f’isem l-istazzjon, lis-Sur Lou Bondi għall-Produtturi, lis-Sur Kurt Farrugia u lil Dr Stefan Zrinzo Azzopardi f’isem il-Partit Laburista.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu waqt it-trattazzjoni ta’ dan l-ilment fl-ewwel seduta, ir-rappreżentant tal-Partit Laburista sostna li fil-programm in kwistjoni ġiet ippreżentata stampa żbilanċjata ta’ dak li fil-fatt ġara u l-istazzjon naqas serjament meta għalkemm kellu ż-żmien u l-opportunità, li jagħmel dan, ma ħassx li kellu jikseb il-verżjoni ta’ dawk il-persuni li ssemmew fil-clips irrekordjati qabel il-programm.

Min-naħa l-oħra l-istazzjon issottometta li kienet intbaghtet e-mail lill-membri parlamentari kollha dwar is-suġġett u dawk li xtaqu jagħtu l-verżjoni tagħhom setgħu għamlu dan billi irrispondew l-istess e-mail. Il-prezentatur tal-programm sostna wkoll li t-tabella kienet turi b’mod grafiku min kien irrisponda għall-mistoqsija mibgħuta bl-e-mail u min ma rrispondix u x’kienet ir-risposta skont il-każ.

Waqt din l-ewwel seduta ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista talbu lill-Awtorità biex l-Onorevoli Gino Cauchi u l-Onorevoli Owen Bonniċi jinstemgħu bħala xhieda aktar tard f’din is-seduta.

Fid-dawl ta dawn l-iżviluppi u wara li nstemgħu dawn iż-żewg xhieda, l-avukat tal-Public Broadcasting Services Limited, Dr Comodini Cachia talbet differiment tas-smigħ biex l-istazzjon ikun jista’ jsejjaħ lill-Onorevoli David Agius biex hu wkoll ikun jista’ jixhed quddiem l-Awtorità. Il-Partit Laburista ma oġġezzjonax għal tali rikjesta u għalhekk it-tieni seduta marbuta mas-smigħ ta’ dan l-ilment saret nhar it-Tlieta 19 t’April 2011 fejn l-Onorevoli David Agius ta xhieda tiegħu quddiem l-Awtorità.

Dwar l-intervista ta’ l-Onor David Agius, il-preżentatur sostna li ma ħassx il-ħtieġa li jitlob rejazzjoni mill-persuni msemmija mill-istess Onorevoli Agius fl-intervista li xxandret f’dik l-edizzjoni ta’ Bondiplus.

Wara li semgħet il-partijiet konċernati u wara li rat il-filmat tal-programm in kwistjoni, l-Awtorità waslet għall-konklużjonijiet segwenti:

1. Illi l-informazzjoni fit-tabella dwar il-preferenzi tad-deputati u jekk dawn kienux ser jaċċettaw jew le l-imsemmija żieda, kienet ġiet ippreżentata mill-istazzjon b’mod adegwat u għalhekk din il-parti tal-ilment ma kellux jintlaqa.

2. Illi dwar il-parti tal-ilment rigwardanti l-intervista ma’ Damien Cassar, l-Awtorità kien irriżultalha li l-Onorevoli Owen Bonniċi kien ingħata dritt għal risposta ai termini tal-liġi waqt edizzjoni suċċessiva tal-istess programm u għalhekk dwar dan ma’ kelliex tipproċedi ulterjoralment.

3. Illi d-dikjarazzjoni li kien għamel l-Onorevoli Agius, waqt l-imsemmi programm, dwar disa’ deputati Laburisti, kien jeħtieġilha li tiġi bilanċjata bir-reazzjoni uffiċċjali u personali tal-istess deputati, u dan in vista tal-fatt li dawn kienu issemmew mill-istess Onorevoli Agius.

Jirrizulta li l-intervista mal-Onorevoli Agius kienet irrekordjata u għalhekk il-produttur kellu l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tiegħu biex iġib ir-reazzjoni tal-persuni imsemmija fil-feature, madanakollu dan ħass li ma kellux il-bżonn li jagħmlu.

L-Awtorità qablet illi l-etika ġurnalistika titlob li l-istazzjon jagħmel ħiltu kollha biex jottjeni tali reazzjoni sabiex ikun jista’ jwassal lit-telespettaturi rapport komprensiv u bilanċjat, u l-fatt li dawn ma weġbux e-mail tal-produzzjoni ma kienx jiġġustifika l-aġir tal-istazzjon.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità iddeċidiet li f’dan il-każ, din il-parti tal-programm kienet żbilanċjata u l-ilment tal-Partit Laburista kien ġustifikat.

L-Awtorità qed tordna lil TVM, permezz ta’ direttiva maħruġa taħt Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, sabiex tinqara sintesi ta’ din id-deċiżjoni, kif mħejjija mill-istess Awtorità, waqt il-bullettin prinċipali tal-aħbarijiet tal-istazzjon mhux aktar tard minn sebat ijiem minn meta tiġi kkomunikata din id-deċiżjoni.