Ilment mill-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazjonisti (FKNK)
Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) ilmenta dwar l-edizzjoni ta’ Bond+ tas-6 ta’ Ġunju, 2011 li trattat il-moħqrija tal-annimali u liema edizzjoni inkludiet ukoll riferenzi għall-kaċċa permezz ta’ feature li skont is-Sur Farrugia kien jagħti ‘l wieħed x’jifhem li l-prattika tal-kaċċa leġittima kienet tikkostitwixxi moħqrija tal-għasafar.
L-istazzjon wieġeb għal dan l-ilment permezz ta’ email datat 17 ta’ Ġunju, 2011, u saħaq li l-Bord Editorjali ma’ kienx iħoss li l-imsemmi feature kien malizzjuz u jagħmel referenza għall-kaċċaturi membri tal-Federazzjoni u għalhekk ma’ kienx hemm lok għal rimedju.
Permezz ta’ email datata 18 ta’ Ġunju 2011, is-Sur Farrugia f’isem l-Federazzjoni filwaqt li rritiena li l-Federazzjoni ma’ kinitx qiegħda taqbel mal-konklużjonijiet tal-Bord Editorjali tal-P.B.S., ai termini tal-provvedimenti dwar l-investigazzjoni ta’ ilmenti, issottometta l-każ quddiem l-Awtorita’ għall-konsiderazzjoni.
L-Awtorità semgħet dan l-ilment f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Lulju fil-preżenza tas-Sinjuri Anthony Mifsud, Lino Farrugia, Joe Periċi Calascione għall-FKNK assistiti mill-Avukat Kathleen Grima u lil Dr Natalino Fenech għall-istazzjon assistit mill-Avukat Therese Commodini Cachia.
Dr Kathleen Grima ikkontendiet li dan l-ilment kien qiegħed isir peress li fl-imsemmi programm popolari, saret referenza għall-kaċċa out of context u saret assoċjazzjoni indiretta, ritenuta skorretta u malizjuża bejn il-kaċċa u l-moħqrija tal-annimali. Żiedet li l-liġi dwar it-trattament xieraq tal-annimali kienet teskludi mill-effetti tagħha l-kaċċa u dan kien juri li dan id-delizzju ma kienx ikkonsidrat bħala moħqrija u għaldaqstant ma kellux jiġi trattat bħala tali.
Dr Grima sostniet li in vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet filmat li kien juri tajr ferut, u intervent minn membru tal-Birdlife, li xxandru waqt l-istess programm, kienu barra minn lokhom, aktar u aktar meta ma kien mistieden l-ebda rappreżentant tal-FKNK. Żiedet li permezz tal-programm ingħatat l-impressjoni skorretta illi ‘kaċċa’ hija forma ta’ moħqrija.
Dr Therese Commodini Cachia ikkontendiet illi l-messaġġ u l-assoċjazzjoni rilevata mill-FKNK ma kienitx tirriżulta u l-kaċċa u l-insib fl-ebda mument ma ġew trattati fil-programm. Żiedet li l-għan tal-programm kien li juri lit-telespetturi kif jiġu kkurati annimali feruti f’Malta b’referenza għall-iSptar tal-Annimali u x-xogħol tal-veterinarji, u kien proprju f’dan il-kuntest li kien hemm intervent minn rappreżentant tal-Birdlife peress li din l-organizzazzjoni toffri servizz ta’ kura u trattament.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet illi meta wieħed jara l-elementi tal-programm fl-assjem tagħhom jasal għall-konklużjoni illi t-telespettatur ordinarju kien jasal biex jagħmel assoċjazzjoni bejn il-kaċċa u l-moħqrija tal-annimali. In oltre, minħabba li l-programm kellu bħala tema tiegħu “il-moħqrija tal-annimali” u billi l-liġi Dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali stess kienet teskludi l-kaċċa mill-moħqrija tal-annimali, l-inklużjoni tal-feature dwar tjur li jkunu feruti waqt kaċċa f’dan il-programm, ma kienitx ġustifkata, anke jekk din ma kienetx l-intenzjoni tal-istazzjon u għaldaqstant, l-Awtorità iddeċidiet li l-ilment irriżulta u kien ġustifikat. Madanakollu fiċ-ċirkostanzi qablet li ma tassenjax rimedju.