TVM - Bond+ - 7 ta' April 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Bond+ tat-8 ta’ Marzu, 2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(f) tal-Att dwar ix-Xandir, meta is-suġġett, u ċioe, l-ewwel sentejn ta’ ħidma tal-Gvern, bil-parteċipazzjoni tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg ma ġietx osservata l-imparzjalità rikjesta mill-liġi. 

Wara li evalwat is-sottomissjonijiet li tressqu mill-partijiet in kwistjoni, inkluż is-sottomissjonijiet bil-miktub imressqa mill-istazzjon, u wara wkoll li rat il-filmat tal-programm in kwistjoni, l-Awtorità kkonstatat il-fatti segwenti:

(a) illi l-Att dwar ix-Xandir (Artiklu 13), waqt li jippermetti lill-Awtorità tax-Xandir, fejn tidħol il-ħtieġa li ‘tinżamm l-imparzalità dovuta dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti’, li tara li din l-imparzjalità tintlaħaq fuq medda ta’ stazzjonijiet, fl-istess ħin tagħmilha ċara li dan ma jistax japplika fil-każ ta’ servizzi pubbliċi tax-xandir. Għalhekk, l-Awtorità tesiġi li fil-każ tal-istazzjonijiet tax-xandir pubbliku għandu jinżamm livell għoli ta’ imparzjalità u li, sa fejn dan huwa possibbli, kull programm li jindirizza l-imsemmija ħwejjeġ għandu jkun ibbilanċjat fih innifsu;

(b) illi parti sostanzjali mill-edizzjoni tal-programm in kwistjoni kienet mibnija fuq features li kkomunikaw informazzjoni dwar proġetti, programmi u inizjattivi oħra mwettqa mill-Gvern matul dawn l-aħħar sentejn. Fl-opinjoni tal-Awtorità, dan ma kien xejn ħlief materjal promozzjonali għall-ħidma tal-Gvern matul dan il-perjodu u ma sar l-ebda sforz sabiex f’dawn il-features issir xi forma ta’ analiżi kritika ta’ din il-ħidma; 

(c) illi waqt li huwa minnu li waqt l-intervista li saret lill-Onorevoli Ministru Dr Tonio Borg il-preżentatur qajjem xi punti ta’ kritika li kienet saret għall-ħidma tal-Gvern, fl-opinjoni tal-Awtorità dan kien biss tentattiv dgħajjef sabiex jintlaħaq xi forma ta’ bilanċ, u ma jistax jitqies li dan ikkumpensa b’mod sodisfaċenti kemm għan-nuqqas ta’ bilanċ fil-features imsemmija kif ukoll għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-programm ta’ persuni oħra b’opinjonijiet differenti, mhux neċessarjament biss persuni fil-qasam politiku. L-Awtorità hija tal-fehma li ma kien hemm l-ebda raġuni valida għaliex dan il-programm ma setax ikun ibbilanċjat fih innifsu. 

Għalhekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-akkuża tal-Kap Eżekuttiv kienet ġiet ippruvata u mponiet fuq l-istazzjon penali ta’ elf mija u erbgħa u sittin ewro (€1,164) li għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum.