TVM - Bonġu - 10 ta' Jannar 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża ibbażata fuq ilment, fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Bonġu tal-10 ta’ Jannar, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 5.3 u 6.1 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti tal-Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir, meta l-istazzjon naqas li jikkonsenja l-premju dovut u meta t-telespetattriċi kienet mitluba tagħmel spejjeż addizzjonali sabiex din tkun tista’ issarraf l-istess premju [A tour for two with Fantasy Tours - booking was cancelled and complainant was asked to pay extra to travel later].

L-Awtorità semgħet kemm lis-Sur Mario Micallef, f’isem l-istazzjon, lil Ms Jordan Degiorgio f’isem il-produtturi u lis-Sinjura Carmen Grech.

L-Awtorità iddiskutiet dan l-ilment f’seduta li nżammet fis-16 ta’ Diċembru, 2011 u filwaqt li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tas-Sinjura Grech u kif ukoll ta’ każi simili li tressqu quddiemha iddeċidiet li din l-akkuża ġiet ippruvata u imponiet il-penali rispettiva ta’ €1,160 u inoltre iddiriġiet li l-istazzjon kellu jasal għal arranġament aċċettabbli mas-Sinjura Grech f’perjodu li ma kellux jeċċedi s-sitt xhur u ċioe’ li s-Sinjura Grech tkun ħadet u fdiet il-premju dovut lilha skont kif rebħet waqt ix-xandira ta’ Bonġu tal-10 ta’ Jannar, 2011.  Fin-nuqqas tal-osservanza ta’ din id-deċiżjoni l-Awtorità tkun lesta tieħu passi ulterjuri skont il-każ.

April 2012
L-Awtorità iddiskutiet l-ittra mibgħuta fl-10 t’April, 2012 fejn is-Sinjura Carmen Grech ilmentajt mill-fatt li wara li l-Awtorità kienet sabet l-istazzjon ħati ta’ ksur tar-regolamenti dwar kompetizzjonijiet u l-għoti ta’ premjijiet f’seduta li nżammet fis-16 ta’ Diċembru, 2011, il-premju dovut kien għadu ma ngħatilhiex.

L-Awtorità eżaminat bir-reqqa l-każ u r-rimedji kollha li kienet tipprovdi l-Liġi tax-Xandir u rriżulta li dwar dan il-każ ma kellhiex il-kompetenza u l-poter neċessarju sabiex tagħti rimedju ulterjuri minn dak deċiż minnha fl-imsemmija seduta.

Għaldaqstant, filwaqt li esprimiet id-diżappunt u d-dispjaċir tagħha li dan il-każ ma ġiex riżolt pożittivament, l-Awtorità infurmat lis-Sinjura Grech li fiċ-ċirkostanzi kienet qed tikkonsidra dan il-każ bħala magħluq u dan mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċeduri legali ulterjuri għad-dispożizzjoni tagħha.

20 t'April 2012