TVM - Bonġu - 14 ta' Marzu 2011




Ilment minn Ms Laura Sammut

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar ilment fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited dwar il-programm Bonġu li xxandar fl-14 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 5.3 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti tal-Premijiet fil-Mezzi tax-Xandir meta l-istazzjon naqas li jikkonsenja premju dovut lill-parteċipanta fl-imsemmi programm Ms Laura Sammut.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lil Ms Laura Sammut, lis-Sur Mario Micallef għall-istazzjon, lil Ms Jordan Degiorgio għall-produtturi u lis-Sur Karl Azzopardi għas-soċjeta’ Fantasy Tours (sponsor tal-premju), f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2011.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet u filwaqt li issottolineat il-fatt li dan l-aspett kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà esklussiva tal-istazzjon, li minn naħa tiegħu kellu jara li l-obbligi assunti waqt il-programmi jiġu onorati u rispettati pjenament, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160), madanakollu in vista tad-dikjarazzjoni min naħa tas-Sur Karl Azzopardi li l-premju dovut kien ser jingħata sat-tmiem il-ġimgħa din id-deċiżjoni ġiet sospiża għal sitt xhur mid-data ta’ din in-notifika.

L-Awtorità iddiriġiet li l-każ kellu jibqa’ jiġi segwit u tablet lil Ms Sammut iżżommha infurmata dwar l-eżitu tiegħu.